1Għall-mexxej tal-kor.
Fuq l-għanja “Mut-labben”. Salm ta’ David.
2Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha;
inxandar għeġubijietek kollha!
3Nifraħ u nithenna bik;
ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli.
4Xħin jiġu lura l-għedewwa tiegħi,
jitfixklu u jgħibu quddiemek.
5Għax int ħadt f’idejk id-dritt u l-kawża tiegħi,
ta’ mħallef ġust qgħadt fuq it-tron tiegħek.
6Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena;
ħassart isimhom għal dejjem ta’ dejjem.
7Intemmu l-għedewwa mħarbtin għal dejjem;
bliethom qridtilhom, u tifkirithom intilfet magħhom.
8Imma l-Mulej isaltan għal dejjem,
iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.
9Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
jiġġudika l-popli bis-sewwa.
10Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes,
kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.
11Fik jittama min jagħraf lil ismek,
għax int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek.
12Għannu lill-Mulej li joqgħod f’Sijon,
xandru fost il-popli l-għemejjel tiegħu.
13Hu, li jitħallas mid-demm, jiftakar fihom,
ma jinsiex għajjat l-imsejknin.
14Ħenn għalija, Mulej; ara n-niket tiegħi;
inti rfajtni u ħriġtni minn bibien il-mewt;
15biex inxandar tifħirek kollu
f’bibien il-belt ta’ Sijon;
biex nifraħ minħabba l-ħelsien tiegħek.
16Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru;
fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom.
17Għarraf il-Mulej lilu nnifsu u għamel il-ħaqq,
b’għemil idejh inqabad il-ħażin.
18Jinżlu l-ħżiena f’qiegħ l-art,
il-ġnus kollha li jinsew ’l Alla.
19Għax l-imsejken ma jintesiex għal dejjem,
it-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa.
20Qum, Mulej! Ma jirbaħx il-bniedem!
Ħa jidhru l-ġnus għall-ħaqq quddiemek.
21Itfa’, Mulej, it-twerwir fuqhom,
ħa jagħrfu l-ġnus li bnedmin huma.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.