1Iva, il-Mulej iħenn għal Ġakobb, u jerġa’ jagħżel lil Iżrael, u jġibhom jistrieħu f’arthom. Magħhom jissieħbu u l-barranin jitwaħħdu ma’ dar Ġakobb.
3Dakinhar il-Mulej iserrħek mill-uġigħ, minn inkwietek, mill-jasar iebes li ġabuk fih.L-umiljazzjoni tas-sultan ta’ Babilonja
4U int tinfexx f’din l-għanja lis-sultan ta’ Babilonja u tgħidlu:
“Ah, kif intemm it-tirann,
kif intemmet kburitu!
5Kisser il-Mulej ħatar il-ħżiena,
ix-xettru tal-ħakkiema;
6kien isawwat il-popli fis-saħna tiegħu,
bi swat ma jaqta’ qatt;
kien jiżżarġan f’qilltu fuq il-ġnus,
b’tirannija bla lġiem.
7U issa li strieħet u ikkwitat l-art kollha,
infexxew f’għajjat ta’ ferħ.
8Imqar iċ-ċipress jifraħ minħabba fik,
hekk ukoll iċ-ċedri tal-Libanu, u jgħidu:
‘Mindu int tinsab mimdud,
ħadd ma jitla’ jqaċċat minna.’
9Art l-Imwiet minn taħt tqanqlet,
biex tilqgħek mal-wasla tiegħek;
tqajjem għalik l-erwieħ,
il-kbarat kollha tal-art;
tqajjem mit-tronijiet tagħhom
is-slaten kollha tal-ġnus.
10Ilkoll jinfexxu jitkellmu u jgħidulek:
‘Int ukoll ġejt fix-xejn bħalna,
f’kollox sirt tixbahna.
11Tniżżlet kburitek f’Art l-Imwiet,
bid-daqq tal-arpi tiegħek,
friexek taħtek it-taħsir,
u d-dud għatietek.
12Mis-smewwiet kif iġġarraft,
int il-kewkba ta’ filgħodu, bin iż-żerniq!
Kif stabatt mal-art,
int li l-ġnus kont tfarrak!
13U int kont tgħid f’qalbek:
‘Nitla’ sas-smewwiet,
’il fuq mill-kwiekeb ta’ Alla,
it-tron tiegħi ngħolli
u ngħammar fuq il-muntanja ta’ laqgħat l-allat,
fi truf it-Tramuntana.
14Nitla’ sa fuq qċaċet is-sħab,
insir nixbah lil Alla l-Għoli.
15Imma issa, arak, imġarraf f’art l-imwiet,
f’qiegħ l-għammieq.
16Jiskantaw, dawk li jarawk,
jitħassbu fik:
‘Hu dan il-bniedem li qalleb id-dinja ta’ taħt fuq,
li riegħed is-saltniet,
17li għamel deżert mill-art,
u blietha għamilhom trab,
li lill-ilsiera ma ħallihomx imorru d-dar?’
18Is-slaten kollha tal-ġnus,
ilkoll mistrieħa bil-ġieħ,
kull wieħed f’qabru.
19Imma int mormi ’l bogħod minn qabrek,
bħal fergħa mistmerra
mlibbes bħall-maqtulin minfuda bis-sejf,
li jinżlu sal-qiegħa tal-ħofra,
bħal ġisem mirfus taħt ir-riġlejn.
20Ma’ dawk li tniżżlu f’ħoġor il-qabar,
int qatt ma tkun midfun.
Għax int ħarbatt lil artek,
u l-poplu tiegħek qtilt.
Qatt iżjed ma jissemma nisel il-ħażin.
21Ħejju għall-qatla ta’ wliedu
minħabba l-ħażen ta’ missierhom,
li ma jqumux u jirtu l-art
u jimlew bil-ħerba d-dinja.
22“Jien inqum għalihom,
oraklu tal-Mulej tal-eżerċti,
neqred lil Babilonja,
isimha u fdalha,
nisilha u razzitha,
oraklu tal-Mulej.
23Nagħmel minnha għamara għall-qanfud
u mistagħdar ta’ ilma qiegħed.
Niknisha bl-ixkupa tal-qerda,”
oraklu tal-Mulej tal-eżerċti.
Il-qerda tal-Assirja24Ħalef il-Mulej tal-eżerċti u qal:
“Bħalma ħsibt jien hekk jiġri;
bħalma jien iddeċidejt, hekk isir.
25Lill-Assirja nkisser f’arti,
u fuq il-muntanji tiegħi nisħaqha:
u minn fuqhom jitneħħa l-madmad tagħha,
minn fuq spallejhom titneħħa tagħbijietha.”
26Din hija d-deċiżjoni li ttieħdet għall-art kollha;
u din hi l-id merfugħa fuq il-ġnus kollha.
27Il-Mulej tal-eżerċti ddeċieda,
u min se jfixklu?
U idu merfugħa min se jniżżilha?
L-oraklu fuq il-Filistja28Fis-sena li miet is-sultan Aħaż tħabbar
dan l-oraklu:
29“La tiftaħarx, Filistja, kollha,
talli tkisser il-ħatar li kien isawtek.
Minn għerq is-serp toħroġ lifgħa,
u frottu jkun serpent tan-nar itir.
30Jirgħu l-foqra fil-mergħat tiegħi,
u l-imsejknin jistrieħu b’moħħhom kwiet;
imma noqtol bil-ġuħ lil għerqek,
u fdalek neqred.
31Ixher, ja bieb! Għajjat, ja belt!
Triegħed, Filistja, kollok kemm int!
Għax daħna riesqa mit-Tramuntana;
armata bla diżerturi.”
32Xi jwieġbu lill-messaġġiera tal-ġnus?
“Il-Mulej waqqaf lil Sijon fis-sod,
u fiha jistkennu l-imsejknin tal-poplu tiegħu.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.