ĦABAKKUK 2 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 2Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu

1Se noqgħod għassa f’posti,

se nibqa’ wieqaf fuq it-torri tiegħi,

nistenna ħalli nara x’sejjer jgħidli,

u kif se jwieġeb għall-ilmenti tiegħi.

2Imbagħad il-Mulej wieġeb:

“Ikteb id-dehra,” qalli,

“onqoxha fuq tavlozzi,

hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.

3Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,

tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx.

Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,

għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!

4Arah jinfena min m’hux ruħu sewwa,

iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.”Is-saħtiet kontra l-għadu

5Gwaj għall-bniedem qarrieq,

u ma jkun qatt fis-sliem il-bniedem kburi,

li jiftaħ ħalqu bħax-Xeol,

u hu bħall-mewt, għaliex ma jixba’ qatt;

jiġma’ għalih kull poplu,

jiġbor għalih kull ġens!

6Tgħid huma lkoll ma jqabblulux taqbila,

għanja niggieża, kliem joqgħodlu sewwa?

U jgħidulu:

L-ewwel saħta

“Ħażin għalih min jiġma’

dak li mhux tiegħu

(kemm se jdum?),

min jgħabbi lilu nnifsu b’ħafna djun!”

7Mhux f’daqqa jqum min dejnek?

Ma jistenbħux dawk li jġagħluk titriegħed,

u ssir il-priża tagħhom?

8Talli ħarbatt il-ġid ta’ bosta ġnus,

il-popli l-oħra lkoll iħarbtu lilek;

għad iħallsuk ta’ demm in-nies li qridt,

tad-deni li ġibt int fuq il-pajjiż

u fuq il-belt u fuq kull min jgħammar fiha!It-tieni saħta

9Ħażin għalih min għal daru jagħmel

xi qligħ miksub ħażin,

biex il-bejta tiegħu jqiegħed fl-għoli,

u hekk ma jħallihiex tintmess mill-ħsara.

10Qerried ta’ bosta popli,

b’għemilek stess waqqajt l-għajb fuq darek,

u tlift lilek innifsek.

11Għaliex sal-ġebla minn ġol-ħajt għad tgħajjat,

u travu mbagħad iwieġeb minn mas-saqaf.It-tielet saħta

12Ħażin għalih min jibni belt bid-demm,

italla’ belt fuq sisien il-ħażen!

13Jaqaw mhux mill-Mulej tal-qtajja’ ġej,

li l-popli jitgħabbew bix-xogħol għan-nar,

u l-ġnus jaħlu saħħithom għal xejn?

14Għax l-art kollha kemm hi

għad tagħraf sewwa l-glorja tal-Mulej,

bħalma hu miksi l-baħar bl-ilmijiet!Ir-raba’ saħta

15Ħażin għalih min jisqi l-proxxmu tiegħu,

min iferragħlu s-semm sa jġagħlu jisker,

bil-ħsieb li jħares lejn għawaru!

16Int bl-għajb timtela u tixba’, u mhux bil-ġieħ.

Mel’ixrob int ukoll,

ħa turi ruħek bla ħtin!

Għad idur lejk il-kalċi

tal-id il-leminija tal-Mulej,

u l-għajb jgħattilek ġieħek.

17Id-deni li għamilt lil-Libanu

għad jgħarraq lilek;

il-qerda li ġibt inti fuq il-bhejjem

għad twerwer lilek;

għad iħallsuk ta’ demm in-nies li qridt,

tad-deni li ġibt int fuq il-pajjiż

u fuq il-belt u fuq kull min jgħammar fiha.Il-ħames saħta

18Xbieha minquxa x’fejda jkun hemm fiha

biex min jonqoxha joqgħod isawwarha?

X’tiswa xbieha mdewba,

u l-ħabbar giddieb,

biex jista’ jafda fiha min jagħmilha

u joqgħod jaħdem idoli mbikkmin?

19Ħażin għalih min jgħid lil biċċa għuda:

“Stenbaħ min-ngħas,” jew: “Qum” lil ġebla siekta!

Dan hu t-tagħlim!

Arah, xogħol intarsjat bid-deheb u l-fidda,

iżd’ebda nifs ta’ ħajja m’hemm ġo fih.

20Iżda l-Mulej fit-tempju mqaddes tiegħu;

iskot quddiemu, art, kollok kemm int.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help