1Għaxqet is-smewwiet il-firmament fis-safa tiegħu;
hekk, f’wirja ta’ glorja, jidhru s-smewwiet.
2Meta tidher ix-xemx tħabbar hi u tielgħa:
‘Ħaġa tal-għaġeb, għemil l-Għoli!’
3F’nofsinhar tikwi l-art,
u min jiflaħ joqgħod għas-sħana tagħha?
4Hemm min jaħdem għas-sħana qawwija tal-forn;
imma x-xemx tisreġ fuq il-muntanji għal tliet darbiet aktar;
hi titfa’ arja tikwi u tarmi raġġi jgħammxu l-għajnejn.
5Kbir il-Mulej li għamilha,
u b’kelmtu jħaffilha mixjietha.
Il-qamar6Il-qamar ukoll hu kollox mal-ħin,
juri x-xhur u jagħmilha ta’ sinjal iż-żmien.
7Mill-qamar jingħata s-sinjal għall-festi,
imnara li tiċkien wara l-milja tagħha.
8Ix-xahar hu msemmi għalih,
jikber b’mod tal-għaġeb hu u jinbidel,
dawl għall-eżerċti fis-smewwiet,
jiddi fil-firxa tas-smewwiet.
Il-kwiekeb9Ġmiel is-sema sebħ il-kwiekeb,
tiżjin jiddi fl-ogħla smewwiet.
10Bil-kelma tal-qaddis ħadu posthom,
u ma jehdewx mill-għassa tagħhom.
Il-qawsalla11Ara l-qawsalla u faħħar lil min għamilha,
sabiħa għall-aħħar fid-dija tagħha.
12Idur mas-smewwiet dawramejt fi ħnejja ta’ glorja,
qaws miġbud minn idejn l-Għoli.
L-għeġubijiet tan-natura13Bil-kmand tiegħu jibgħat ħafif is-silġ,
u jibgħat il-beraq mgħaġġel, skont l-ordni tiegħu.
14Hekk jinfetħu l-imħażen,
u s-sħab jittajjar bħall-għasafar;
15fil-kobor tiegħu jħaxxen is-sħab,
u jsiru frak l-għoqod tas-silġ.
16Mad-dehra tiegħu jitheżżu l-għoljiet,
bir-rieda tiegħu jonfoħ ir-riħ isfel.
17Il-ħoss tar-ragħda tiegħu jheżżeż l-art,
hekk ukoll tempesta mit-Tramuntana u tromba riħ.
18Iroxx is-silġ bħal għasafar neżlin ’l isfel,
u jinżel bħal ġradi li jpoġġu fl-art.
Ġmiel il-bjuda tiegħu jgħammex l-għajnejn,
u meta jagħmel is-silġ il-bniedem jibqa’ miblugħ.
19U jxerred fuq l-art il-ġlata bħal melħ,
tagħqad u ssir qisha ponot tax-xewk.
20Jonfoħ ir-riħ fuq kiesaħ tat-Tramuntana
u jagħqad is-silġ fuq l-ilma,
joqgħod fuq kull roqgħa ilma,
u l-ilma jilbes bħal kurazza.
21Bih jittieklu l-għoljiet u jinkewa d-deżert,
u l-ħxejjex jinħarqu daqskieku bin-nar.
22Ftit ċpar malajr ifejjaq kollox,
u n-nida li tinżel isserraħ mill-għomma.
23Bil-ħsieb meqjus tiegħu mmansa l-abbiss,
u ħawwel gżejjer fih.
24Dawk li jaqsmu l-ibħra jitkellmu fuq il-perikli tiegħu,
u nistagħġbu b’dak li jisimgħu widnejna.
25Għax hemm ħwejjeġ tal-għaġeb ma jitwemmnux,
kull xorta ta’ bhejjem u ħlejjaq kbar tal-baħar.
26Bl-għajnuna tal-Mulej, il-messaġġier tiegħu jagħmel vjaġġ tajjeb,
u b’kelma tiegħu kollox iżomm flimkien.
27Ngħidu kemm ngħidu ma naslux biex ngħidu kollox,
imma fi ftit kliem: “Hu kollox”.
28Imnejn se tiġina l-ħila li nsebbħuh?
Għax hu l-Kbir, akbar mill-għemejjel kollha tiegħu.
29Tal-biża’ l-Mulej u ta’ kobor bla qjies,
u tal-għaġeb il-qawwa tiegħu.
30Intom li ssebbħu l-Mulej, għolluh kemm tifilħu,
għax jistħoqqlu aktar minn hekk,
u b’ħilitkom kollha faħħruh,
tegħjewx għax qatt ma taslu biex tfaħħruh biżżejjed.
31Min qatt rah biex jista’ jitkellem fuqu?
U min jista’ jfaħħar kburitu daqs kemm jistħoqqlu?
32Ħafna ħwejjeġ moħbija huma akbar minn dawn,
għax aħna rajna biss ftit mill-għemejjel tiegħu.
33Għax kollox għamel il-Mulej,
u lit-twajbin tahom l-għerf.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.