1Min jagħmel ħniena jislef lill-proxxmu tiegħu,
u min jgħinu, iħares il-kmandamenti.
2Islef lill-proxxmu tiegħek meta hu fil-bżonn,
rodd lura lill-ġar tiegħek fil-ħin.
3Żomm kelmtek u kun fidil miegħu,
u kull ħin issib dak li teħtieġ.
4Għal ħafna s-self qisu kien xi sejba,
u jaqilgħu l-għawġ għal dawk li jgħinuhom.
5Sa ma bniedem jieħu dak li jrid, ibus id ħaddieħor,
u fuq il-ġid tal-proxxmu tiegħu jitkellem minn taħt l-ilsien;
imma meta għandu jrodd lura jtawwal iż-żmien,
u jrodd bi kliem ta’ wieħed li ma jimpurtahx,
u jġib skuża biż-żmien.
6Jekk jista’ jħallas, min silfu bilkemm jingħata n-nofs,
u jqis dan daqskieku kien xi sejba.
Jekk ma jkunx jista’, ikun seraqlu ġidu,
u għal xejn b’xejn ikun għamlu għadu tiegħu;
iroddlu saħtiet u żebliħ,
u flok ġieħ iroddlu disprezz.
7Ħafna, mhux minħabba xi ħżunija, jibqgħu lura milli jisilfu,
u joqogħdu attenti li ma jiġux misruqa għal xejn b’xejn.
L-għoti bil-qalb8Madankollu, lill-magħkus ħudu bis-sabar,
u tħallihx jistenna għall-karità.
9Minħabba l-kmandament għin lill-fqir,
u għax hu fil-bżonn tibagħtux lura b’idejh vojta.
10Itlef il-fidda tiegħek minħabba ħuk jew ħabibek;
tħallihiex issaddad u tintilef taħt il-maduma.
11It-teżor tiegħek agħmel minnu skont il-Liġi tal-Għoli,
u jkun għalik ta’ qligħ aktar mid-deheb.
12Agħlaq il-karità fl-imħażen tiegħek,
u hi teħilsek minn kull hemm.
13Iktar minn tarka b’saħħitha jew lanza tqila
tiġġieled għalik mal-għadu tiegħek.
Ir-rahan14Raġel sewwa jidħol rahan għall-ġar tiegħu,
u min tilef il-mistħija jħallih warajh.
15Tinsiex il-pjaċir ta’ min daħal rahan għalik,
għax dan ikun ta ħajtu minħabba fik.
16Il-midneb iħarbat il-ġid ta’ min daħal rahan għalih,
u min hu qalbu ħażina jitlaq lil min ħelsu.
17Għax għamluha ta’ rahan, ħafna li kellhom il-ġid ġew fix-xejn,
u theżżu bħal mewġa tal-baħar;
18tbiegħdu minn darhom nies ta’ setgħa, u ġġerrew fost ġnus barranin.
19Il-midneb li jindaħal biex jirhan,
u jiġri wara l-qligħ, jaqa’ f’idejn il-ġustizzja.
20Għin il-ġar tiegħek skont ma tista’,
u oqgħod b’għajnejk miftuħa li ma taqax int ukoll f’għawġ bħal dan.
Id-dar u l-merħba21Il-ħwejjeġ ewlenija tal-ħajja huma l-ilma, il-ħobż, u l-ilbies,
u dar fejn tostor l-għera tiegħek.
22Aħjar il-ħajja ta’ fqir fil-kenn taħt saqaf tal-injam,
minn ikel bil-ħala għand il-barranin.
23Ħa jkun jogħġbok kemm il-ftit u kemm il-ħafna,
u hekk ma tismax ċanfir,
għax tkun ma’ ħaddieħor.
24Jekk tgħix minn dar ħiereġ u f’oħra dieħel, tgħaddi ħajja ta’ niket;
u fejn tkun qiegħed ta’ barrani
lanqas ħalqek ma tkun tista’ tiftaħ.
25Tilqa’ għandek u tagħti jixrob lil min ma jafhulekx,
u minn fuq tisma’ kliem iniggeż:
26“Ejja, barrani, ħejji l-mejda,
u jekk għandek xi ħaġa f’idek, agħtihieli ħalli nikolha”.
27“Itlaq, barrani, għax hawn min hu aqwa minnek;
ġie joqgħod għandi ħija u neħtieġ id-dar”.
28Dawn huma ħwejjeġ tqal għal bniedem li għandu s-sens:
it-tmaqdir ta’ sid id-dar, u t-tagħjir ta’ min jislef.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.