SALMI 105 - Maltese Bible with DC

Salm 105It-tjieba ta’ Alla ma’ Iżrael

1Faħħru l-Mulej u xandru ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.

2Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.

3Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.

4Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,

fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.

5Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,

fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.

6Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

7Jaħweh hu Alla tagħna!

Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu!

8Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

9fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,

10li ġedded lil Ġakobb b’liġi,

lil Iżrael b’patt għal dejjem,

11meta qal: “Lilek nagħti l-art ta’ Kangħan,

bħala sehem wirtkom.”

12Ftit kienu għadhom jgħoddu,

ma kinux ħlief ftit barranin f’dik l-art,

13jiġġerrew minn ġens għal ieħor,

minn saltna għal għand poplu ieħor.

14Hu ma ħalla ’l ħadd jaħqarhom;

slaten rażżan minħabba fihom:

15“Tmissux ’il dawk li huma kkonsagrati lili,

tagħmlux deni lill-profeti tiegħi.”

16Imbagħad bagħat il-ġuħ fuq l-art,

qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba’ tagħhom.

17Kien bagħat qabilhom raġel,

’il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir.

18Rabtulu riġlejh bil-ktajjen,

dawrulu l-ħadid ma’ għonqu,

19sakemm seħħ dak li kien ħabbar,

u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu.

20Is-sultan bagħat iħollu,

dak li jaħkem il-popli ħelsu.

21Għamlu sid fuq id-dar tiegħu,

ħallielu f’idejh ġidu kollu,

22biex jgħallem hu stess lill-kbarat,

u juri l-għerf lill-kapijiet tiegħu.

23Imbagħad Iżrael niżel fl-Eġittu,

Ġakobb għex barrani fl-art ta’ Ħam.

24U kattar ħafna l-poplu tiegħu,

saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.

25Dawrilhom qalbhom biex jobogħdu l-poplu tiegħu,

biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu.

26Bagħat lil Mosè, il-qaddej tiegħu,

u lil Aron, li hu kien għażel.

27Wera bihom għeġubijietu,

ħwejjeġ tal-għaġeb fl-art ta’ Ħam.

28Bagħat id-dlam, u dalam;

iżda huma webbsu rashom għal kliemu.

29Biddlilhom l-ilma f’demm,

qerdilhom il-ħut tagħhom.

30Arthom imtliet biż-żrinġijiet,

sa ġol-kmamar tas-slaten tagħhom.

31Mal-kelma tiegħu ġew qtajja’ ta’ dubbien,

u nemus ma’ arthom kollha.

32Tahom is-silġ minflok ix-xita;

ilsna tan-nar ileħħu f’arthom.

33Laqtilhom id-dwieli u s-siġar tat-tin,

qerdilhom is-siġar tar-raba’ tagħhom.

34Mal-kelma tiegħu ġew il-ġradijiet,

ġradijiet żgħar li ħadd ma jgħoddhom.

35U belgħu l-ħxejjex kollha f’arthom,

kielu l-frott tar-raba’ tagħhom.

36Qatel l-ulied il-kbar kollha ta’ arthom,

l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.

37Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb,

ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom.

38Ferħu l-Eġizzjani bit-tluq tagħhom,

għax fuqhom kien waqa’ l-biża’ tagħhom.

39Firex sħaba biex ikenninhom,

xegħel in-nar għad-dawl billejl.

40Talbuh u bagħtilhom is-summien;

temagħhom sax-xaba’ bil-ħobż mis-sema.

41Xaqqaq blata u minnha ħareġ l-ilma,

li ġera mad-deżert bħal xmara.

42Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu,

u f’Abraham, il-qaddej tiegħu.

43U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,

b’għajjat ta’ ferħ lill-magħżulin tiegħu.

44U tahom artijiet il-ġnus,

u xogħol il-popli wirtuh huma,

45biex iħarsu l-kmandamenti tiegħu,

u jżommu l-liġijiet tiegħu.

Hallelujah!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help