ĠOB 33 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 33Eliħu jitkellem fuq il-misteru ta’ Alla

1“Issa, Ġob, qis li tisma’ kliemi, u tagħti widen għal kulma ngħidlek.

2Ara, se niftaħ fommi,

kliemi qiegħed fil-ponta ta’ lsieni.

3Se ngħid għad-dritt dak li għandi f’moħħi,

u xufftejja jitkellmu s-sewwa,

4għax l-ispirtu ta’ Alla għamilni,

u n-nifs ta’ Xaddaj jagħtini l-ħajja.

5Isa, weġibni jekk għandek ħila,

ħejji ruħek ħa teħodha miegħi.

6Ara, jien bħalek quddiem Alla,

jiena wkoll imsawwar mit-tajn;

7xejn ma għandek għax tibża’ minni,

mhux se tkun tqila idi fuqek.

8Żgur li għedt int quddiemi għedtu,

u leħen kliemek smajtu.

9Int għedt: ‘Jien safi, f’xejn ma nqast;

safi jien, nadif jien.

10Iżda Hu jfittex fiex jaqbad miegħi,

u jżommni b’għadu tiegħu.

11Iqegħedli fiċ-ċipp riġlejja,

u jgħassisli triqati kollha.’

12Ara, għal dan inwieġbek: ‘Sejjer żball’,

għax Alla hu akbar mill-bniedem.

13Għaliex trid teħodha miegħu

jekk ma jweġibx għal kull kelma tiegħek?

14Alla jitkellem darba,

u kelmtu ma jtennihiex.

15Fil-ħolm, f’xi dehra billejl,

xħin jaqa’ n-ngħas fuq il-bnedmin,

u jkunu reqdin fuq friexhom,

16dak il-ħin Alla jnebbaħhom,

u bit-twiddib ibeżżagħhom,

17biex idawwar il-bniedem minn triq il-ħażin

u jħarsu mill-kburija;

18biex iħarislu ruħu mill-qabar,

u ’l ħajtu milli taqsam il-ħondoq.

19Iwiddbu wkoll bl-uġigħ fuq is-sodda tiegħu,

u bit-torturi bla heda f’għadmu;

20meta titmeżmeż gerżumtu mill-ħobż,

u ma jitħajjarx aptitu mill-ikel bnin;

21meta jdub laħmu u ma jidhirx iżjed,

u l-għadam li ma kienx jidher jaqbeż ’il barra;

22meta toqrob ruħu lejn il-qabar,

u ħajtu lejn dar il-mejtin,

23imma jekk ikollu ħdejh anġlu,

wieħed minn elf, medjatur,

li juri bniedem kif għandu jġib ruħu,

u jreġġgħu lejn is-sewwa tiegħu,

24u jħenn għalih u jgħid ’l Alla:

‘Aħfirhielu, tibagħtux il-qabar,

sibt rahan għall-fidwa ta’ ħajtu,’

25jixxettel ġismu bħal meta kien tfajjel

u jerġa’ għaż-żmien ta’ żgħożitu.

26Jitlob ’l Alla u jkun milqugħ tajjeb,

u jara bil-ferħa wiċċ Alla

li jreġġgħu għal li kien.

27U jmur itenni lin-nies u jgħid:

‘Kont dnibt u għawwiġt is-sewwa,

imma Alla ma ħallasnix kif imiss;

28ħelisli ’l ruħi milli tmur fil-qabar,

u qed tgawdi ħajti d-dawl.’

29Ara: dan kollu jagħmel Alla,

darbtejn tlieta, b’risq il-bniedem,

30biex ireġġagħlu ħajtu mill-fossa

lejn id-dawl f’art il-ħajjin.

31Ħsiebek hawn, Ġob, ismagħni!

Stabar sa ma nitkellem.

32Jekk għandek xi tgħid, weġibni,

tkellem, għax nixtieq li jidher is-sewwa tiegħek.

33Jekk m’għandekx, agħtini widen,

iskot u ngħallmek l-għerf.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help