1U Ġużeppi ordna ’l dak li kien jieħu ħsieb daru u qallu: “Imla l-ixkejjer ta’ dawn l-irġiel b’kemm jesgħu qamħ u qiegħed il-flus ta’ kull wieħed fl-ixkora tiegħu.
2U qiegħed il-koppa tiegħi, il-koppa tal-fidda, f’wiċċ l-ixkora taż-żgħir flimkien mal-flus tal-qamħ tiegħu.” U dak għamel skont ma qallu Ġużeppi.
3Mas-sebħ filgħodu l-irġiel bagħtuhom, lilhom u l-ħmir magħhom.
4Ħarġu mill-belt; u, bla ma kienu għadhom tbiegħdu wisq, Ġużeppi sejjaħ lil dak li kien jieħu ħsieb daru u qallu: “Qum u mur iġri għal wara dawk l-irġiel, u meta tilħaqhom għidilhom: ‘Għala ħallastu l-ġid bid-deni? Għaliex sraqtuli l-koppa tal-fidda?
5Mhux minnha jixrob sidi, u biha jeħber? Ħażin għamiltu meta għamiltu dan.’ ”
6U laħaqhom u qalilhom dan il-kliem.
7U huma weġbuh: “Għala sidi qiegħed jitkellem hekk? Ma jkun qatt li l-qaddejja tiegħek jagħmlu xi ħaġa bħal din.
8Hawn huma l-flus li konna sibna f’wiċċ l-ixkejjer tagħna, ġibnihomlok mill-art ta’ Kangħan, u se mmorru issa nisirqu minn dar sidek fidda jew deheb?
9Għand min mill-qaddejja tiegħek tinstab, tingħatalu l-mewt, u aħna nsiru l-ilsiera ta’ sidi.”
10U hu wieġeb: “Mela minn issa stess isir kif għedtu. Għand min tinstab jaqa’ lsir tiegħi, u intom tkunu ħielsa.”
11U malajr niżżel fl-art kull wieħed l-ixkora tiegħu, u kull wieħed fetaħ l-ixkora tiegħu.
12U dak beda jfittex, beda mill-kbir u spiċċa fiż-żgħir, u l-koppa nstabet fl-ixkora ta’ Benjamin.
13U huma ċarrtu lbieshom, u għabbew mill-ġdid kull wieħed il-ħmar tiegħu, u reġgħu lura lejn il-belt.
14Ġuda u ħutu waslu fid-dar ta’ Ġużeppi u hu kien għadu hemm, u huma nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.
15U Ġużeppi qalilhom: “X’għemil hu dan tagħkom? Ma kontux tafu li bniedem bħali għandu l-ħila jeħber?”
16U Ġuda wieġbu: “X’naqbdu ngħidu lil sidi? Kif se nitkellmu u kif se niġġustifikaw irwieħna? Alla kixef il-ħtija tal-qaddejja tiegħek. Hawn aħna l-ilsiera ta’ sidi, aħna lkoll u dak li nstabet il-koppa għandu.”
17U wieġeb Ġużeppi: “Ma jkun qatt minni li nagħmel dan. Il-bniedem li għandu nstabet il-koppa, hu jkun l-ilsir tiegħi, u intom morru bis-sliem għand missierkom.”
18U resaq lejh Ġuda u qallu: “Iddew sidi, ħa jitkellem il-qaddej tiegħek u jgħid kelma f’widnejn sidi! La tagħdabx għall-qaddej tiegħek, għax int bħall-Fargħun.
19Sidi kellem lill-qaddejja tiegħu u staqsiehom: ‘għandkomx missier jew ħu?’
20U aħna weġibna lil sidi: ‘Għandna missier xiħ u tifel żgħir, bin xjuħitu. Ħuh miet u minn ta’ ommu baqa’ hu waħdu; u missieru jħobbu.’Ġen 42,13.
21U int għedt lill-qaddejja tiegħek: ‘Niżżluhuli hawn ħa nixħet għajnejja fuqu.’
22U aħna għedna lil sidi: ‘Ma jistax iż-żagħżugħ iħalli lil missieru; jekk jitilqu, missieru jmut.’
23U int għedt lill-qaddejja tiegħek: “Jekk ħukom iż-żgħir ma jinżilx magħkom, ma tarawx iżjed wiċċi.’Ġen 43,3.
24U ġara li meta tlajna għand missieri, il-qaddej tiegħek, ħabbarnielu kliem sidi.
25Meta mbagħad qalilna: ‘Erġgħu morru u ixtru ftit qamħ,’
26aħna għednielu: ‘Ma nistgħux ninżlu hemm. Jekk ikollna magħna ħuna ż-żgħir, ninżlu; għax ma nistgħux naraw wiċċ dak ir-raġel, jekk ħuna ż-żgħir ma jkunx magħna.’
27U l-qaddej tiegħek missieri qalilna: ‘Intom tafu li tnejn welditli marti.
28U wieħed telaq minn ħdejja u jien għedt: Qattgħuh, qattgħuh bċejjeċ! u s’issa ma rajtux iżjed.Ġen 37,20.33.
29U jekk issa teħduli lil dan ukoll minn quddiem wiċċi, u tiġrilu xi ħsara, intom tniżżluli xjuħiti fil-qabar bl-għali.’
30U issa malli nasal għand il-qaddej tiegħek missieri, u ż-żagħżugħ ma jkunx magħna, la darba ħajtu marbuta ma’ ħajjet it-tifel,
31jiġri li malli jintebaħ li ż-żagħżugħ mhux magħna, żgur li jmut, u jkunu niżżlu l-qaddejja tiegħek ix-xjuħija tal-qaddej tiegħek missierna fil-qabar bil-għali.
32U l-qaddej tiegħek għamel tajjeb għaż-żagħżugħ quddiem missieri u qal: ‘Jekk ma nġibhulekx, inkun ħati quddiem missieri għomri kollu.’
33U issa ħa joqgħod il-qaddej tiegħek flok iż-żagħżugħ b’ilsir ta’ sidi, u hekk iż-żagħżugħ jitla’ ma’ ħutu.
34Għax x’wiċċ għandi nitla’ għand missieri u ż-żagħżugħ ma jkunx miegħi? Jalla ma narax jien l-għali li jista’ jilħaq lil missieri!”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.