1Il-kapijiet tal-familji tal-fergħa ta’ wlied Gilgħad bin Makir, bin Manassi, waħda mill-friegħi ta’ wlied Ġużeppi, resqu quddiem Mosè u quddiem il-prinċpijiet, il-kapijiet tal-familji ta’ wlied Iżrael,
2u qalulhom: “Il-Mulej ordna lil sidi biex iqassam bix-xorti l-art lil ulied Iżrael, u l-Mulej ordna wkoll lil sidi li l-wirt ta’ Selofħad, ħuna, jgħaddi lil uliedu bniet.Num 26,55; 27,6; Ġoż 17,3-4.
3Issa jekk jiżżewġu lil wieħed minn xi tribù ieħor ta’ wlied Iżrael, il-ġid tagħhom jonqos mill-ġid ta’ missirijietna, u jiżdied il-ġid tat-tribù li jkunu daħlu fih, u jonqos minn dawk li missna bix-xorti.
4U meta wlied Iżrael ikollhom il-ġublew, il-wirt tagħhom jiżdied mal-ġid tat-tribù li jkunu daħlu fiha, u l-ġid tat-tribù tagħna jonqos b’sehemhom.”Lev 25.
5Imbagħad Mosè bl-ordni tal-Mulej ordnalhom dan: “It-tribù ta’ wlied Ġużeppi għandhom raġun.
6Dan hu li jordna l-Mulej dwar l-ulied bniet ta’ Selofħad: Ħa jiżżewġu lil min jogħġobhom, basta jiżżewġu f’xi familja tat-tribù ta’ missirijiethom.
7Ebda wirt ta’ wlied Iżrael ma jgħaddi minn tribù għal ieħor, għaliex ulied Iżrael għandhom jibqgħu marbutin kull wieħed mal-wirt tat-tribù ta’ missirijiethom.
8Għalhekk kull tfajla, li tiret xi ġid f’xi tribù ta’ Iżrael, għandha tiżżewweġ f’xi familja tat-tribù ta’ missirijietha, biex ulied Iżrael jirtu kull wieħed il-ġid ta’ missirijietu;
9u l-proprjetà ma tgħaddix minn tribù għal ieħor, u hekk kull tribù jibqa’ marbut ma’ sehmu.”
10L-ulied bniet ta’ Selofħad għamlu bħalma ordna Mosè.
11U Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka u Nogħa, ulied Selofħad, iżżewġu wlied zijiethom;
12iżżewġu għand il-familji ta’ Manassi bin Ġużeppi, u hekk il-wirt tagħhom baqa’ fil-familja ta’ missierhom.
13Dawn huma l-ordnijiet u l-liġijiet li ta lil ulied Iżrael il-Mulej permezz ta’ Mosè fil-witat ta’ Mowab, ħdejn il-Ġordan biswit Ġeriko.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.