BIN SIRAK 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4

1Ibni, iċċaħħadx lill-fqir mill-għajxien tiegħu,

u l-bniedem fil-bżonn li jħares lejk tħallihx jistenna għal xejn.

2Lil min hu bil-ġuħ tnikkitx,

u tkiddx lill-bniedem fil-bżonn.

3Qalb mikduda tkomplix tkiddha,

u ’l min hu fil-bżonn tħallihx jistenna l-għotja tiegħek.

4Tiċħadx lil tallab fil-għaks,

u ddawwarx wiċċek mill-fqir.

5Iddawwarx wiċċek minn wieħed fil-bżonn,

u tagħti ’l ħadd l-okkażjoni li jisħtek;

6għax jekk wieħed jisħtek bl-imrar f’qalbu,

it-talba tiegħu jismagħha l-Ħallieq tiegħu.

7Agħmel li tkun maħbub mill-ġemgħa,

u baxxi rasek quddiem min hu kbir.

8Agħti widen lill-fqir,

u roddlu bil-ħlewwa t-tislima.

9Min ma jsirx ħaqq miegħu eħilsu minn idejn l-inġusti,

u taqtax qalbek meta tiġi biex tagħmel il-ħaqq.

10Kun missier għall-iltiema,

u għal ommhom bħar-raġel tagħha,

u ssir bħal iben l-Għoli,

u jkun iħobbok iktar minn ommok.L-għerf għalliem

11L-għerf jgħolli lil uliedu,

u jieħu ħsieb dawk li jfittxuh.

12Min iħobbu, iħobb il-ħajja,

u dawk li jbakkru għalih jimtlew bl-hena.

13Min jieħdu taħt idejh jiret il-glorja,

u kull fejn imur, ibierku l-Mulej.

14Dawk li jaqduh, iservu l-Qaddis,

u dawk li jħobbuh, iħobbhom il-Mulej.

15Min jisma’ minnu jagħmel ħaqq mill-ġnus,

u min idur lejh jgħix f’daru b’moħħ mistrieħ.

16Jekk jafda fl-għerf, jiksbu,

u l-għerf jibqa’ f’idejn nislu.

17Għax għall-ewwel jimxi miegħu f’mogħdijiet mgħawġa,

iġib fuqu biża’ u nuqqas ta’ kuraġġ,

jipprova fuqu d-dixxiplina tiegħu

sa ma jnissillu l-fiduċja fih,

u jġarrbu bl-ordnijiet tiegħu.

18Imbagħad jerġa’ dritt għal għandu u jferrħu,

u jurih il-ħwejjeġ moħbija tiegħu.

19Jekk joħroġ mit-triq iħallih waħdu,

u jagħtih f’idejn it-telfien tiegħu.

Il-mistħija u r-rispett uman

20Agħti kas taż-żmien u għasses għall-ħażen,

u ġġibx għajb fuqek innifsek;

21għax hemm għajb li jġib miegħu d-dnub,

u għajb li hu glorja u grazzja.

22Tħarisx lejn l-uċuħ bi ħsara għalik innifsek,

u tistħix hekk li tintilef.

23Trażżanx kliemek meta hu meħtieġ,

24għax l-għerf jingħaraf mill-kliem,

u t-tagħlim minn dak li jgħid l-ilsien.

25Tgħid xejn bil-maqlub tas-sewwa,

u istħi għan-nuqqas ta’ tagħlim li għandek.

26Tistħix tistqarr dnubietek,

u teħodhiex mal-ilmijiet ta’ xmara.

27Toqgħodx taħt bniedem iblah;

u żżommx ma’ wieħed setgħani.

28Issielet sal-mewt għas-sewwa,

u l-Mulej Alla jissielet għalik.

29Tkunx ħafif f’ilsienek,

u tqil u bla ħeġġa fl-għemejjel tiegħek.

30Tkunx qisek iljun f’darek,

jew tfittex mal-qaddejja tiegħek.

31Tmiddx idek biex taqla’

u tiġbidhiex meta tiġi biex trodd.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help