1Jekk trid terġa’ lura, Iżrael,
oraklu tal-Mulej,
erġa’ ejja għandi.
Jekk inti twarrab qżiżijietek minn quddiemi,
ma jkollokx għalfejn titbiegħed minni;
2u jekk taħlef: ‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej’,
bil-verità, bis-sewwa u bil-ġustizzja,
imbagħad jitbierku bih il-ġnus u bih jiftaħru.
3Għax dan jgħid il-Mulej lin-nies ta’ Ġuda
u lil Ġerusalemm:
‘Aħdmu r-raba’ mitluq, u tiżirgħux qalb l-għollieq.
4Inħatnu għall-Mulej, neħħu l-ħliefa ħażina ta’ qalbkom, nies ta’ Ġuda, u intom li tgħammru f’Ġerusalemm li ma toħroġx qillti bħan-nar, u tħeġġeġ bla ma jitfiha ħadd, minħabba l-ħażen ta’ għemilkom.’Il-qerried mit-Tramuntana: il-Kaldin
5Ħabbru f’Ġuda, semmgħu f’Ġerusalemm, u għidu:
Doqqu t-tromba fil-pajjiż,
għajtu b’kemm għandkom ħila u għidu,
‘Inġabru ħalli nidħlu fi bliet bis-swat.’
6Għollu bandiera lejn Sijon,
fittxu l-kenn, la titnikkrux,
għax se nġib il-ħsara mit-Tramuntana,
u qerda kbira.
7Qabeż l-iljun mill-masġar tiegħu,
qam il-qerried tal-ġnus u ħareġ mill-bejta tiegħu,
biex minn artek jagħmel ħerba,
jiġġarrfu blietek u jisfaw bla nies.
8Għalhekk tħażżmu bix-xkejjer,
ibku u ixhru,
għax il-qilla ta’ għadab il-Mulej
ma warrbitx minn fuqna.
9U jiġri dakinhar,
oraklu tal-Mulej,
jaqta’ qalbu s-sultan,
jaqtgħu qalbhom il-prinċpijiet,
jibqgħu miblugħa l-qassisin
u mistagħġba l-profeti.
10Jien għedt: “Ah! Sidi Mulej!
Mela inti dħakt b’dan il-poplu u b’Ġerusalemm,
meta int għedtilhom: ‘Sliem ikollkom’,
waqt li nifditna sa ruħna x-xabla!”
11Dak iż-żmien għad jgħidu lil dan il-poplu
u ’l Ġerusalemm:
“Riħ jikwi ġej mill-għoljiet tad-deżert,
lejn bint il-poplu tiegħi,
mhux biex iderri, lanqas biex inaddaf.
12Riħ qawwi jqum għall-kelma tiegħi;
u issa jien ukoll illissnilkom is-sentenza.”
13Arah tiela’ bħas-sħab,
bħar-riefnu l-imriekeb tiegħu;
eħfef mill-ajkli ż-żwiemel tiegħu.
Jaħasra għalina għax mitlufin.
14Naddaf, Ġerusalemm, ’il qalbek mill-ħażen,
biex tkun tista’ ssalva.
Kemm se jdumu jbejtu f’qalbek
il-ħsibijiet mgħawġa tiegħek?
15Għax hemm leħen iħabbar minn Dan,
u jxandar il-ħsara mill-għoljiet ta’ Efrajm.
16Għidu lill-ġnus, araw, ħabbru dwar Ġerusalemm:
“Minn art imbiegħda ġejjin jaħbtu għalik,
jgħajtu kontra l-ibliet ta’ Ġuda;
17għax bħal għases ir-raba’
dawruha minn kull naħa
għax qamet kontra tiegħi,”
oraklu tal-Mulej.
18Imġibtek u għemilek għamlulek dan:
dan hu l-qligħ tal-ħażen tiegħek, kollu mrar;
u nifidlek sa ġo qalbek.
19Ajma l-ġewwieni, il-ġewwieni tiegħi!
Ajma l-għeruq ta’ qalbi!
Qalbi tħabbat qawwi,
u niskot ma nistax.
Għax leħen it-tromba smajt,
is-sejħa għall-gwerra.
20Qerda fuq qerda jħabbru.
L-art kollha ħerba,
f’waqt wieħed l-għerejjex tiegħi tħarbtu,
f’tebqa ta’ għajn it-tined tiegħi.
21Kemm se ndum nara l-istendard,
nisma’ leħen it-tromba?
22“Tassew bla moħħ il-poplu tiegħi,
lili ma jagħrfunix;
ulied boloh, ulied bla għaqal huma;
il-ħażen jinqalgħu biex jagħmluh;
jagħmlu t-tajjeb ma jafux.”
23Ħarist lejn il-pajjiż,
u arah, taħwid u baħħ;
lejn is-smewwiet,
u ma kienx hemm dawl.
24Ħarist lejn l-iġbla,
u arahom jitheżżu,
u l-għoljiet kollha jitriegħdu,
25Ħarist, u ara, ebda bniedem ma kien hemm,
u t-tjur tas-sema kollha ħarbu.
26Ħarist, u arah ir-raba’ jsir deżert,
u blietha kollha jiġġarrfu,
quddiem il-Mulej,
quddiem is-saħna ta’ għadbu.
27Għax dan qal il-Mulej:
“Ħerba l-art kollha ssir,
imma għalkollox ma neqridhiex.
28Għalhekk titnikket l-art,
u jiddallmu s-smewwiet fil-għoli,
għax jien tkellimt, u qtajtha,
ma nitbiddilx, ma nerġax lura.”
29Mill-għajjat tar-rikkieba u l-arċieri,
taħrab kull belt,
jinħbew fl-imsaġar,
u jixxabbtu mal-blat.
Kull belt mitluqa,
m’hemm ħadd li jgħammar fihom.
30U int imħarbta x’se tagħmel?
Imqar jekk tilbes l-iskarlatt,
tiżżejjen bid-deheb,
tkabbar għajnejk biż-żebgħa,
għal xejn tiżżejjen!
Ħbiebek stmerrewk,
lil ħajtek qegħdin ifittxu.
31Iva, qiegħed nisma’ l-krib ta’ mara fil-ħlas,
l-għajta ta’ mara fl-ewwel ħlas,
l-għajta ta’ bint Sijon b’nifisha maqtugħ,
tgħolli dirgħajha: “Jaħasra għalija!
Mifnija qalbi quddiem il-qattiela.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.