1Dakinhar li l-Mulej ħelsu minn idejn l-għedewwa tiegħu u minn idejn Sawl, David lissen lill-Mulej il-kliem ta’ din l-għanja.
3Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi;
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Ħellies tiegħi, mill-vjolenza jeħlisni.
4Insejjaħ lill-Mulej, hu ta’ min
ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.
5Imwieġ tal-mewt ħakmuni,
widien tal-biża’ werwruni,
6ħbula tal-imwiet dawruni,
xbiek il-mewt inqaleb fuqi.
7Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt,
tlabt l-għajnuna ’l Alla tiegħi,
hu sama’ leħni mit-tempju tiegħu,
f’widnejh waslet l-għajta tiegħi.
8Tqanqlet u theżżet l-art,
triegħdu s-sisien tas-smewwiet,
u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.
9Duħħan ħareġ minn imnifsejh,
u nar li jħarbat minn fommu,
minnu jarmi ilsna tan-nar.
10Feraq is-smewwiet u niżel,
bi ċpar iswed taħt riġlejh.
11Fuq kerubin rikeb u tar,
u deher fuq ġwienaħ ir-riħ.
12Bid-dlam insatar bħal b’libsa,
sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.
13Mid-dija ta’ quddiemu sħab joħroġ,
u ilsna tan-nar ħarġu mill-ġamar.
14Riegħed il-Mulej mis-smewwiet,
l-Għoli samma’ leħnu.
15Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom,
għamel il-beraq u ħarrabhom.
16U dehru qigħan il-baħar,
inkixfu s-sisien tal-art,
mat-theddida tal-Mulej,
man-nefħa ta’ mnifsejh.
17Mill-għoli medd idu u ħatafni,
ħariġni minn baħar ta’ ilma.
18Mill-għedewwa b’saħħithom ħelisni,
mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.
19Ġew fuqi f’siegħa ħażina,
iżda l-Mulej waqaf miegħi.
20Ħariġni ’l barra fil-wisa’,
ħelisni, għax lili jħobbni.
21Ħallasni l-Mulej skont il-ġustizzja tiegħi,
raddli skont is-safa ta’ jdejja.
22Għax jien żammejt triqat il-Mulej,
ma tbigħedtx bid-dnub minn Alla tiegħi.
23Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu;
ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.
24Bla tebgħa kont quddiemu,
mill-ħtija ħarist lili nnifsi.
25Raddli l-Mulej skont il-ġustizzja tiegħi,
skont is-safa ta’ jdejja li ra b’għajnejh.
26Ma’ min hu tajjeb, int timxi bit-tajjeb,
ma’ min hu bla ħtija, inti timxi bla ħtija.
27Ma’ min hu safi, int timxi bis-safa,
ma’ min jgħawweġ, timxi bl-għaqal.
28Għax inti ssalva ’l-poplu fqajjar,
u l-għajnejn kburin tbaxxihom.
29Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi;
Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.
30Bik jien negħleb il-qtajja’ tal-għedewwa;
bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar!
31Dritta hi t-triq ta’ Alla;
safja hi l-kelma tal-Mulej.
Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.
32Għax min hu Alla ħlief Jaħweh?
U min hu blata ħlief Alla tagħna?
33Hu Alla, hu l-kenn qawwi tiegħi,
hu li jeħles lil min hu sewwa fi triqtu.
34Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja,
fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.
35Idejja jħarriġli għat-taqbida;
ark tal-bronż imiddu dirgħajja.
36Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek;
l-għajnuna tiegħek kabbritni;
37Int wessajtli t-triq quddiemi,
u ma tfixklux riġlejja.
38Neħodha għal wara l-għedewwa u nilħaqhom;
ma nerġax lura qabel neqridhom.
39Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha;
jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.
40Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida,
taħti titfa’ ’l dawk li jqumu għalija.
41Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi;
jien neqred ’il dawk li jobogħduni.
42Jgħajtu għall-għajnuna, u ħadd ma jgħinhom,
lill-Mulej isejħu, u ma jweġibhomx.
43Bħat-trab tal-art nagħmilhom,
bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.
44Int teħlisni minn poplu ġellied,
fuq il-ġnus inti tqegħedni;
u poplu, li ma nafux, jaqdini.
45Il-barranin jinxteħtu sal-art quddiemi;
malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija.
46Il-barranin jaqgħu mifnija,
joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.
47Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-Blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
48Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa,
li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!
49Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi,
tqegħedni fuq min jaħbat għalija,
teħlisni min-nies tad-dnewwa.
50Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,
u ngħanni t-tifħir ta’ ismek.
51Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu;
ma’ David u nislu għal dejjem.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.