1Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi
l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli
fuq għolja għammiela.
2Għażaqha u naddafha miż-żrar,
u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;
bena torri f’nofsha,
u wkoll ħaffer magħsar fiha.
Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,
iżda kulma għamlet kien għeneb qares.
3U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm,
irġiel ta’ Ġuda,
agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.
4X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi
u ma għamiltux?
Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,
u kulma għamlet kien għeneb qares.
5U issa ħa nurikom
x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.
Inneħħilha l-ilqugħ ta’ madwarha,
u jħarbtuha;
iġarrfilha l-ħajt,
biex in-nies tgħaffiġha.
6Nagħmel minnha xagħra;
ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,
u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.
Jien ngħid lis-sħab
biex ma jagħmilx xita fuqha!
7Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti
hija d-dar ta’ Iżrael;
u l-irġiel ta’ Ġuda
huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu.
Huwa stenna l-ġustizzja,
u araw sab it-tixrid tad-demm,
stenna s-sewwa,
u araw sama’ l-għajjat tal-maħqura.
Il-kastig tal-ħżiena8Gwaj għal dawk li jżidu dar ma’ dar,
u jgħaqqdu għalqa ma’ għalqa,
sakemm ma jibqax aktar wisa’
u tibqgħu tgħammru weħidkom f’nofs il-pajjiż!
9Jien smajt b’widnejja l-Mulej tal-eżerċti:
“Naħlef li dawn il-ħafna djar isiru ħerba,
djar kbar u sbieħ,
u ħadd ma jgħammar fihom.
10Għax għaxar fiddien dwieli jagħtu bat wieħed;
u ħomer żerriegħa jagħmlu efa.”
11Gwaj għal dawk li jbakkru filgħodu,
u jiġru għal wara s-sokor;
jiddawru billejl sa ma jisħnu bl-inbid.
12Kitarra u arpa, tanbur u flawt,
u nbid x’jixorbu fl-ikliet tagħhom,
u xejn ma jaħsbu f’għemil il-Mulej,
u għemil idejh ma jagħtux kasu.
13Għalhekk il-poplu tiegħi jitturufnawh,
għax hu poplu bla moħħ.
U l-kbarat tiegħu bil-ġuħ imutu,
tinxef bil-għatx il-kotra tiegħu.
14Għalhekk iwassa’ x-Xeol griżmejh
u jiftaħ ħalq daqsiex,
u fih jinżlu n-nobbli u l-kotra,
u l-għajjat u t-tbahrid tal-belt.
15Jiċċekken il-bniedem,
jitgħakksu l-uħud,
u jitniżżlu għajnejn l-imkabbrin.
16U l-Mulej tal-eżerċti jitkabbar f’jum il-ħaqq,
u Alla l-Qaddis jitqaddes bil-ġustizzja.
17Imbagħad jirgħu l-ħrief bħallikieku f’mergħathom,
u l-gidjien jixtarru qalb il-ħrieb.
18Gwaj għal dawk li jiġbdu l-ħażen lejhom bil-ħbula tal-barrin;
u d-dnub bil-ħbula tal-karrijiet.
19Gwaj għal dawk li jgħidu:
“Ħa jfittex jagħmel li għandu jagħmel
ħalli narawh;
ħa joqrob u jseħħ ħsieb il-Qaddis ta’ Iżrael,
ħalli nagħrfuh!”
20Gwaj għal dawk li jsejħu tajjeb il-ħażin,
u ħażin it-tajjeb;
u jibdlu d-dlam mad-dawl,
li jibdlu l-morr mal-ħelu,
u l-ħelu mal-morr.
21Gwaj għad dawk li huma għorrief f’għajnejhom,
u mingħalihom għandhom id-dehen.
22Gwaj għal dawk qalbiena għal xorb l-inbid,
u rġiel jinqalgħu għat-taħlit ta’ xorb is-sokor.
23Gwaj għal dawk li jeħilsu l-ħati mit-tixħim;
u mid-dritt tiegħu jċaħħdu l-bniedem sewwa.
24Għalhekk kif ilsien in-nar jikkonsma l-qasab,
u bħalma l-ħaxix niexef in-nar jibilgħu,
hekk għerqhom għad jitħassar,
u n-nwar tagħhom bħat-trab jittajjar.
Għax huma warrbu l-liġi tal-Mulej tal-eżerċti
u stmerrew il-kelma tal-Qaddis ta’ Iżrael.
25Għalhekk xegħlet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu
u medd idu fuqu u darbu;
u theżżu l-muntanji,
il-katavri tagħhom sfaw bħaż-żibel f’nofs it-triq.
B’danakollu ma waqfitx il-korla tiegħu,
u mimduda għandha idu.L-invażjoni ta’ Iżrael
26U għolla stendard lill-ġens mill-bogħod;
u saffarlu minn truf l-art;
arawh ġej ħafif ħafif.
27Ħadd minnhom mhu għajjien, ħadd ma jogħtor;
ħadd ma jongħos, ħadd mhu rieqed.
Ħżiem ġenbejhom mhux merħi,
u lanqas maħlula l-qafla ta’ qrieqhom.
28Misnuna l-vleġeġ tagħhom,
u qwieshom kollha miġbuda;
bħaż-żnied dwiefer iż-żwiemel tagħhom,
bħal riefnu r-roti ta’ karrijiethom;
29it-tgargir tagħhom bħal tal-iljun,
bħal-frieħ l-iljun igargru
jgħajtu u jaħtfu l-priża,
jaħarbu biha u ħadd ma jeħodhielhom;
30Jgħajtu għalih dakinhar,
bħall-għajjat tal-baħar.
U jħares lejn l-art, u ara, dalma u diqa,
u d-dawl imdallam bis-sħab iswed tagħha.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.