ĠOB 21 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 21Tweġiba ta’ Ġob

1Ġob wieġeb u qal:

2“Isimgħuni, isimgħuni kelma,

u jkunli dan il-faraġ tagħkom.

3Stabru bija, ħalluni nitkellem,

u xħin nispiċċa ddieħku kemm tridu.

4Jewwilla ma’ bniedem li għandi xi ngħid jien?

M’għandix forsi għax nitlef sabri?

5Araw xi ġrali u għandkom titbikkmu,

u tqiegħdu jdejkom fuq fommkom.

6Għax jien imqar naħseb biss nibqa’ mnixxef,

u taqbadni tkexkixa ma’ ġismi kollu.

7L-għala l-ħżiena ħajjithom twila,

u kulma jmorru jikbru fis-setgħa?

8Imqabbda fis-sod il-familja tagħhom:

missirijiethom għadhom magħhom,

u wliedhom taħt għajnejhom.

9Djarhom fiż-żgur, m’għandhomx minn xiex jibżgħu,

mhuwiex fuqhom il-bastun ta’ Alla.

10Inissel il-barri tagħhom u ma jfallix,

tferragħ il-baqra tagħhom u ma tkorrix.

11Jerħu ż-żgħar tagħhom jimirħu bħall-ħrief,

u lit-tfal tagħhom jogħxew fiż-żfin.

12Jgħannu biċ-ċetra u t-tanburlin,

u jixxalaw bid-daqq tal-flawt.

13Jgħadduha tajjeb ħajjithom kollha,

u jinżlu bis-sliem fl-Imwiet.

14U dawn qalu ’l Alla: ‘Ħallina bi kwietna,

minn triqatek ma jimpurtaniex.

15X’inhu Xaddaj biex aħna nobduh?

X’se ndaħħlu jekk nitolbuh?’

16M’għandhomx forsi l-ħżiena xortihom f’idejhom

għalkemm ħsiebhom imbiegħed minn Alla?

17Kemm-il darba ntfiet il-lampa tal-ħżiena,

jew messithom il-ħsara li ħaqqhom,

jew qassmitilhom uġigħ il-korla ta’ Alla?

18Kemm minnhom saru bħat-tiben mar-riħ,

jew bħal sifja maħtufa mir-riefnu?

19Tgħidu: ‘Alla jerfa’ l-kastig tagħhom għal uliedhom’;

le, ngħidilkom, lill-ħati jmissu jagħtih ħalli jitgħallem,

20ħa jaraw għajnejh stess il-kalċi tiegħu,

u jixrob huwa nnifsu mill-korla ta’ Xaddaj.

21Għax x’jimpurtah minn daru wara mewtu,

meta jkun għalaq l-għadd ta’ xhuru?

22Tgħiduli: ‘Se jgħallem xi ħadd l-għerf lil Alla,

Hu li jagħmel ħaqq mill-ogħla ħlejjaq?’

23Araw: wieħed imut fl-aħjar ta’ saħħtu

kollu hieni u kuntent,

24ġenbejh mimlija bis-simna

u l-mudullun ta’ għadmu tari.

25Ieħor imut bl-imrar ġo qalbu,

mingħajr qatt ma daq xi hena.

26U lkoll xorta fit-trab jimteddu,

’il wieħed u ’l ieħor jiksi d-dud.

27Ara: jiena naf tajjeb ħsibijietkom,

x’qegħdin tfasslu biex tonsbuni.

28Se tgħiduli: ‘Fejn hi issa dar il-prinċep?

Fejnhom issa l-għamajjar tal-ħżiena?’

29Ngħidilkom: ‘Staqsu ’l dawk li siefru,

u tirruftawx it-tagħrif li ġabru.

30Il-ħażin ma jintmessx minn jum il-ħsara,

ikun meħlus xħin tiġi l-korla.

31Ħadd ma jċanfru f’wiċċu għal imġibtu,

ħadd ma jħallsu talli għamel.

32U xħin imorru bih għad-difna,

tmur warajh in-nies bi ħġarha,

u timxi quddiemu folla kbira;

33tagħmillu fuq qabru sahra,

u jkunlu ħelu t-trab tal-wied.’

34Kif tridu, mela, tfarrġuni? Bil-frugħa?

Mhux gideb biss baqa’ fi tweġibkom?”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help