KOĦÈLET 11 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 11Agħmel it-tajjeb dment li tista’

1Ibgħat ħobżok fuq wiċċ il-baħar,

għax wara żmien twil jerġagħlek lura.

2Qassmu f’sebat ishma, anzi fi tmienja,

għax ma tafx xi ħsara tista’ tiġi fuq l-art.

3Jekk is-sħab ikun mgħobbi jagħmel ix-xita;

u jekk siġra taqa’, lejn in-Nofsinhar jew it-Tramuntana,

hemm fejn taqa’ tibqa’.

4Min jgħarrex għar-riħ ma jiżra’ qatt,

u min jagħti kas tas-sħab ma jaħsadx.

5Bħalma ma tafx kif jidħol nifs il-ħajja fl-għadam f’ġuf ta’ mara tqila,

hekk ukoll ma tafx l-għemil ta’ Alla li għamel kollox.

6Iżra’ filgħodu ż-żerriegħa tiegħek,

u tagħtix mistrieħ lil idek filgħaxija,

għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra,

jew jagħtux it-tnejn frott tajjeb xorta waħda.

7Ħelu tassew id-dawl,

u għażiża għall-għajnejn id-dehra tax-xemx.

8Iva, jekk il-bniedem jgħix bosta snin,

ħa jgawdihom kollha,

ħa jiftakar ukoll li ħafna jkunu l-jiem mudlama;

kulma jiġi mbagħad hu kollu frugħa.

9Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa ta’ ħajtek,

u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek.

Imxi wara t-taħbit ta’ qalbek,

u wara l-għaxqa ta’ għajnejk.

Iżda kun af li ta’ dan kollu jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.

10Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib,

u żomm il-ħsara ’l bogħod minn ġismek;

għax it-tfulija u ż-żgħożija buffura riħ.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help