1Hallelujah!
Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;
għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
2Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej,
jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael.
3Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,
hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.
4Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;
kollha jsejħilhom b’isimhom.
5Kbir Sidna l-Mulej, u ta’ qawwa kbira;
bla tarf id-dehen tiegħu.
6Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej,
u jniżżel sal-art il-ħżiena.
7Għannu lill-Mulej innu ta’ radd il-ħajr;
doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.
8Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet,
iħejji għall-art ix-xita,
u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.
9Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom,
u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajtu.
10Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel,
anqas b’riġlejn l-irġiel b’saħħithom.
11Jitgħaxxaq il-Mulej b’min għandu l-biża’ tiegħu,
u b’min jittama fit-tjieba tiegħu.
12Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!
13Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
u jbierek ġewwa fik ’l uliedek.
14Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
15Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
16Jibgħat is-silġ bħas-suf;
ixerred bħar-rmied il-ġlata.
17Jitfa’ s-silġ bħal frak tal-ħobż;
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
18Isamma’ kelmtu, u jinħall is-silġ;
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!
19Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
20Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.
Hallelujah!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.