1L-arka tal-Mulej kienet ilha seba’ xhur f’art il-Filistin,
2meta l-Filistin sejħu lill-qassisin u l-ħabbarin, u qalulhom: “X’se nagħmlu bl-arka tal-Mulej? Għidulna kif sejrin nibagħtuha lura f’postha.”
3U weġbuhom: “Jekk se tibagħtu lura l-arka ta’ Alla ta’ Iżrael, tibagħtuhiex b’xejn, imma roddulha offerta ta’ riparazzjoni. Imbagħad jekk tfiqu, tagħrfu għaliex ma warrabx idu minn fuqkom.”
4U staqsewhom: “X’inhi l-offerta ta’ riparazzjoni li għandna rroddulha?” U weġbuhom: “Ħames bżieżaq tad-deheb u ħames ġrieden tad-deheb, skont l-għadd tal-prinċpijiet tal-Filistin, għaliex marda waħda qabditkom, lilkom ilkoll u l-prinċpijiet tagħkom.
5Agħmlu mela xbihat tal-bżieżaq tagħkom u tal-ġrieden li ħarbtu l-art, u tagħtu ġieħ lil Alla ta’ Iżrael; għandu mnejn ineħħi idu minn fuqkom, u minn fuq l-allat tagħkom, u minn fuq artkom.Ġoż 7,19; Ġw 9,24.
6Għaliex twebbsu qalbkom bħalma webbsu qalbhom l-Eġizzjani u l-Fargħun? Forsi ma kellux jitlaqhom wara li kien lagħab bihom?Eż 7,14; 8,15; 9,34.
7Issa, mela, aqbdu u agħmlu karru ġdid b’żewġ baqriet ireddgħu, li ma refgħu qatt fuqhom madmad; orbtu l-baqriet mal-karru, u ħudu l-frieħ tagħhom minn warajhom fl-istalla.Num 19,2; Dt 21,3; 2 Sam 6,3.
8Ħudu mbagħad l-arka tal-Mulej u qegħduha fuq il-karru, u t-tagħmir tad-deheb li intom qegħdin troddulu b’offerta ta’ riparazzjoni, qegħduhom f’senduq maġenbha, u ħalluha tmur.
9Imbagħad oqogħdu ħarsu, u jekk taqbad it-triq ta’ artu u titla’ lejn Betxemex, sinjal li hu jkun għamlilna din il-ħsara kbira, jekk le nagħrfu li mhux idu kienet li laħqitna, imma għax ġiet hekk.”
10Hekk għamlu dawk in-nies. Ħadu żewġ baqriet ireddgħu u rabtuhom ma’ karru, u għalqu l-frieħ tagħhom fl-istalla.
11U qiegħdu l-arka tal-Mulej fuq il-karru, u s-senduq bil-ġrieden tad-deheb u x-xbihat tal-bżieżaq tagħhom.
12U l-baqar qabdu t-triq dritt għal Betxemex; u baqgħu mexjin fl-istess triq, jimxu u jgargru, bla ma jilwu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, u l-prinċpijiet tal-Filistin mexjin warajhom sa truf Betxemex.
13In-nies ta’ Betxemex kienu qegħdin jaħsdu l-qamħ fil-wied; u refgħu għajnejhom u raw l-arka, u ferħu malli rawha.
14U l-karru wasal sal-għalqa ta’ Ġożwè l-Betxemxi, u waqaf hemm. Kien hemm ġebla kbira, u qattgħu l-injam tal-karru u offrew il-baqriet b’sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.2 Sam 24,21-23.
15Il-Leviti niżżlu l-arka tal-Mulej, u s-senduq li kien hemm magħha bl-oġġetti tad-deheb li kienu fih, u qegħduh fuq il-ġebla l-kbira, u dak in-nhar il-Betxemxin offrew sagrifiċċji tal-ħruq u vittmi lill-Mulej.
16Dan kollu rawh il-ħames prinċpijiet tal-Filistin, u reġgħu lura lejn Għekron dak in-nhar stess.
17Dan hu l-għadd tax-xbihat tal-bżieżaq li taw il-Filistin b’offerta ta’ riparazzjoni lill-Mulej; waħda għal Asdod, waħda għal Gaża, waħda għal Askalon, waħda għal Gatt, waħda għal Għekron.
18L-għadd imbagħad tal-ġrieden tad-deheb kien daqs l-għadd tal-ibliet Filistin kollha tal-ħames prinċpijiet, mill-belt bis-swar sar-raħal għall-beraħ. U l-ġebla l-kbira li fuqha serrħu l-arka tal-Mulej għadha hemm sal-lum, fir-raba’ ta’ Ġożwè l-Betxemxi.
19U l-Mulej qatel lil xi wħud min-nies ta’ Betxemex, għax ħarsu ġol-arka tal-Mulej; qatel sebgħin minnhom, u l-poplu beka għaliex il-Mulej għamel ħerba mill-poplu.
20U n-nies ta’ Betxemex qalu: “Min jista’ joqgħod wieqaf quddiem il-Mulej, dan Alla daqshekk qaddis? Għand min jista’ jitla’ u jitbiegħed minna?”S 76,8; Mal 3,2.
21U bagħtu messaġġiera għand in-nies ta’ Kirjat-ġegħarim jgħidulhom: “Il-Filistin reġġgħu lura l-arka tal-Mulej. Inżlu u tellgħuha għandkom.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.