1Rajt lil Sidi wieqaf ħdejn l-artal u qalli:
“Ħabbat fuq il-kaptelli sa ma jitheżżu l-għatbiet,
u ġarrafhom fuq irjus in-nies kollha;
min jibqa’ ħaj minnhom neqirdu bix-xabla:
ħadd minnhom ma jaħrab,
ħadd minnhom ma jeħles.
2Jekk iħaffru f’Qiegħ l-Art,
minn hemm taħtafhom idi;
jekk jitilgħu fis-smewwiet,
minn hemm inniżżilhom;
3jekk jinħbew fuq il-quċċata tal-Karmel,
hemm infittixhom,
u minn hemm naqbadhom;
u jekk jinħbew minn quddiem għajnejja f’qiegħ il-baħar,
nordna lis-serp jigdimhom;
4u jekk imorru fl-eżilju quddiem l-għedewwa tagħhom,
hemm nordna lix-xabla toqtolhom:
għajnejja jkunu fuqhom għad-deni
u mhux għall-ġid.”
5U Sidi l-Mulej tal-eżerċti
li jmiss l-art u din iddub,
u jibku dawk kollha li jgħammru fiha,
u togħla bħan-Nil,
u terġa’ tinżel bħax-xmara tal-Eġittu;
6li jibni l-għamara tiegħu fl-għoli tas-smewwiet,
u jwaqqaf fuq l-art is-sisien tal-wesgħa tas-smewwiet;
li jsejjaħ l-ilmijiet tal-baħar,
u jferragħhom fuq wiċċ l-art: Jaħweh hu ismu.
7“Mhux bħal ulied Kus intom għalija,
ulied Iżrael?”
Oraklu tal-Mulej.
“Ma ħriġtx jien lil Iżrael mill-Eġittu,
u l-Filistin minn Kaftor,
u n-nies tas-Sirja minn Kir?
8Ara, għajnejn Sidi l-Mulej fuq is-saltna ħatja,
u jien neqridha minn wiċċ l-art,
iżda ma neqridx għalkollox lil dar Ġakobb,”
oraklu tal-Mulej.
9“Ara, jiena nordna, u nqalleb lil dar Iżrael fost il-ġnus,
bħalma jqallbu t-terrapien f’għarbiel,
imma ebda żrara ma taqa’ fl-art.
10Bix-xabla jmutu l-ħatja kollha fost il-poplu,
dawk li jgħidu: ‘Id-deni ma jmissniex, ma jilħaqniex.’
11Dakinhar intalla’ mill-ġdid l-għarix ta’ David,
li sar ħerba waħda,
u rraqqa’ t-tiċrit tiegħu;
nerġa’ ntellagħlu dak li ġġarraf minnu,
u nibnih kif kien fl-imgħoddi,
12biex huma jirtu l-fdal ta’ Edom,
u l-ġnus kollha msemmija għalija,”
oraklu tal-Mulej li għad jagħmel dan.
13“Araw, għad jiġi żmien,”
oraklu tal-Mulej,
“meta min jaħrat jilħaq fuq min jaħsad,
min jagħsar l-għeneb jilħaq fuq min jiżra’;
u l-inbid ġdid iqattar mill-muntanji,
l-għoljiet kollha jkunu jnixxu minnu.
14Irreġġa’ l-poplu tiegħi Iżrael għal li kien;
jibnu l-ibliet meqruda u jgħammru fihom;
iħawlu d-dwieli u jixorbu l-inbid tagħhom;
u jxettlu ġonna u jieklu mill-frott tagħhom.
15U nħawwilhom f’arthom,
u qatt iżjed ma jinqalgħu mill-art li tajthom,”
jgħid il-Mulej, Alla tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.