MIKEA 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4Il-Mulej għad isaltan f’Sijon

1Għad jiġri fl-aħħar jiem

li l-għolja ta’ dar il-Mulej

togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,

u tintrefa’ ’l fuq mill-għoljiet.

Lejha għad jiġu l-popli kollha,

2kotra sħiħa ta’ ġnus għad jiġu u jgħidu:

“Immorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,

lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,

biex jgħallimna triqatu,

biex aħna nimxu fi triqtu.

Għax minn Sijon toħroġ il-liġi,

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.”

3U jkun hu l-imħallef ta’ ħafna popli,

f’idejh ikun id-destin ta’ ġnus setgħana,

imqar l-aktar imbiegħda.

Ix-xwabel tagħhom idewbuhom f’sikek,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin,

u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra.

4Imma kull wieħed jintasab taħt id-dielja tiegħu,

u taħt is-siġra tat-tin tiegħu;

u ma jkunx hemm min iwerwirhom,

għax fomm il-Mulej tal-eżerċti tkellem.

5Għax il-popli kollha jimxu

kull wieħed f’isem l-alla tiegħu;

imma aħna nimxu

f’isem il-Mulej, Alla tagħna,

għal dejjem ta’ dejjem.Il-merħla mxerrda għad tinġabar f’Sijon

6“Dakinhar, oraklu tal-Mulej,

jien niġma’ z-zopop,

u niġbor l-imkeċċijin

u ’l dawk li jien kont ħqart.

7U z-zopop nagħmilhom fdal,

l-imwarrba nagħmilhom ġnus setgħana.”

U l-Mulej isaltan fuqhom

fil-muntanja Sijon,

minn issa u għal dejjem.

8U int, Torri tal-Merħla,

Għolja ta’ bint Sijon,

tasallek u tiġik is-saltna tal-imgħoddi,

is-saltna ta’ bint Ġerusalemm.

Assedju, turufnament u ħelsien ta’ Sijon

9Issa għalfejn dan il-biki kollu?

Ma hemmx sultan ġo fik?

Jaqaw il-kunsillier tiegħek għab,

biex qabdek uġigħ il-mara fil-ħlas?

10Tkagħweġ bl-uġigħ, bint Sijon,

infaqa’ bil-biki, bħal mara fil-ħlas,

għax issa se toħroġ barra mill-belt,

u tibda tgħammar fil-kampanja.

Inti se tmur Babilonja:

hemm teħles, hemm jifdik il-Mulej

minn idejn l-għedewwa tiegħek.

Il-ġnus midrusa fuq il-qiegħa ta’ Sijon

11Issa nġemgħu kontra tiegħek

ġnus kotrana, li qegħdin jgħidu:

“Ħa titkasbar,

u ħa jitpaxxew għajnejna b’Sijon.”

12Iżd’huma ħsibijiet il-Mulej ma jafuhomx,

il-pjan tiegħu ma għarfuhx;

għax hu ġabarhom qishom qatet fuq il-qiegħa.

13Qum, bint Sijon, u idres,

għax il-qarn jien nagħmilhulek tal-ħadid,

dwiefer saqajk nagħmilhomlok tal-bronż,

u inti tfarrak bosta popli,

tħalli għall-Mulej dak li tikseb minnhom,

u ġidhom lil Sid l-art kollha.Niket u ġieħ għal dar David

14Bħalissa int tinsab marsusa wisq,

għalquna f’assedju;

lill-imħallef ta’ Iżrael

qegħdin jagħtuh b’għasluġ fuq ilħitu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help