1Għerf il-mara jibnilha darha
u bluhitha b’idejha ġġarrafha.
2Min jimxi bis-sewwa għandu l-biża’ tal-Mulej,
min jimxi bl-imgħawweġ jistmerru.
3Kliem l-iblah hu bastun għal dahru,
imma xufftejn l-għorrief il-ħarsien tagħhom.
4Fejn m’hemmx il-baqar, m’hemmx il-qamħ;
b’saħħet il-gendus jinkisbu l-uċuħ tajba.
5Xhud tajjeb ma jgħidx il-falz,
imma xhud qarrieq gideb jgħid.
6Għalxejn l-insolenti jfittex l-għerf,
imma ħafif it-tagħlim għal min hu bil-għaqal.
7Tagħmilhiex ma’ min hu iblah,
għax ma titgħallimx l-għerf minn fommu.
8B’għerfu l-għaqli jsib it-triq it-tajba,
imma bluhiet il-boloh ħażin tmexxihom.
9Il-boloh jibqgħu fil-ħtija,
imma t-tajbin ikollhom l-għaxqa ta’ Alla.
10Qalb il-bniedem tagħraf l-imrar tagħha,
u ħadd barra minnha ma jissieħeb fil-ferħ tagħha.
11Dar il-ħżiena tiġġarraf,
imma l-għamara tat-tajbin tiġi ’l quddiem.
12Xi ħadd jista’ jaħseb li triqtu dritta,
iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-mewt.
13Imqar fid-daħk titnikket il-qalb,
u l-ferħ jintemm fin-niket.
14Il-ħażin jixba’ bi frott għemilu,
u t-tajjeb jiekol minn għemejjel idejh.
15Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox,
min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.
16L-għaref jaħsibha sewwa u jitbiegħed mid-deni,
imma l-iblah jibqa’ għaddej moħħu mistrieħ.
17Min hu bla sabar bluhat jagħmel,
min hu tal-ħsieb jaf jistenna.
18Il-boloh bluhat jirtu,
imma l-għaqlin jiżżejnu bl-għerf.
19Il-ħżiena jbaxxu rashom quddiem it-tajbin,
u jitbaxxew il-midinbin wara bieb il-ġusti.
20Lill-fqir lanqas qrabatu ma jriduh,
imma l-għani għandu ħafna ħbieb.
21Ħażin jagħmel min imaqdar lil għajru,
imma hieni hu min iħenn għall-fqir.
22Min jagħmel id-deni, mhux żbalji jagħmel?
Min jagħmel il-ġid għandu t-tjieba u l-fedeltà.
23Kull xogħol fih il-qligħ,
imma l-kliem biss faqar iġib.
24L-għaqal hu ġieħ l-għorrief,
u l-bluha tiżjin il-boloh.
25Min jixhed is-sewwa jsalva l-ħajja,
imma l-giddieb hu traditur.
26Tama qawwija jkollu min għandu l-biża’ tal-Mulej,
u wliedu wkoll isibu l-kenn.
27Il-biża’ tal-Mulej hu għajn tal-ħajja,
bih wieħed jeħles mix-xibka tal-mewt.
28Kbir hu s-sultan li għandu poplu kbir
sultan bla poplu ma jiswa għal xejn.
29Min għandu s-sabar jimxi b’għaqal kbir,
min jisbel malajr bluhat kbar jagħmel.
30Mistrieħ il-moħħ hu ħajja għall-ġisem,
imma l-għira tħassarlu l-għadam.
31Min jgħakkes il-fqir imaqdar lil min ħalqu,
imma min iħenn għall-imsejken iweġġħu.
32Il-ħażin jiġġarraf bi ħżunitu,
it-tajjeb jistkenn fi tjubitu.
33L-għerf jgħammar f’moħħ min hu bil-għaqal,
imma ma ssibux f’qalb il-boloh.
34Is-sewwa jkabbar ġieħ il-poplu,
imma d-dnub iwaqqgħu fl-għajb.
35Is-sultan jinġibed lejn il-qaddej bil-għaqal,
imma jistmerr il-qaddej bla ħila.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.