1Kull ħabib jgħid: “Jien ukoll ħabibek,”
imma hemm ħbieb tal-isem biss.
2Mhux għali għall-mewt
meta sieħbek jew ħabibek idur kontrik?
3Ja ħsieb ħażin, għalfejn inħlaqt?
Biex tiksi l-art bil-qerq?
4Hemm ħabib li jifraħ bil-ferħ ta’ sieħbu,
imma fi żmien l-għawġ idur kontrih.
5Hemm sieħeb li għal żaqqu jbati ma’ ħabibu,
imma quddiem l-għadu jaqbad it-tarka.
6Ara li moħħok ma jinsiex ’il ħabibek;
u tonqosx li tiftakar fih meta int fil-ġid.Min jagħti parir
7Kull kunsillier ifaħħar il-parir tiegħu;
imma hawn min jagħti parir għall-interess tiegħu nnifsu.
8Ħares ruħek minn min jagħtik parir,
u l-ewwel kun af xi jrid
- għax hu wkoll jaħseb għal rasu -
li ma jmurx itella’ x-xorti kontrik,
9u jgħidlek: “Qiegħed fit-triq it-tajba,”
biex imbagħad iwarrab in-naħa l-oħra jistenna x’se jsir minnek.
10Tiħux parir mingħand min iħarislek minn taħt il-għajn,
u żomm mistur il-pjan tiegħek minn dawk li jgħiru għalik.
11Tiħux parir mingħand mara dwar waħda li għandha għaliha,
jew mingħand beżżiegħi dwar it-taqbid,
mingħand bejjiegħ dwar ix-xiri,
jew mingħand xerrej dwar il-bejgħ,
mingħand l-ingrat dwar radd il-ħajr,
jew mingħand il-kiefer dwar xi għemil ta’ ħniena,
mingħand l-għażżien dwar xi biċċa xogħol,
jew mingħand ħaddiem mikri għal sena dwar it-tmiem ta’ xogħlu,
mingħand qaddej bla ħeġġa dwar xi biċċa xogħol kbira;
toqgħodx fuq dawn għal xi parir.
12Imma ibqa’ l-ħin kollu ma’ bniedem twajjeb,
li int taf li jħares il-kmandamenti;
li jħoss bħalma tħoss int,
u jekk titfixkel jagħli għalik.
13Oqgħod fuq li tgħidlek qalbek,
għax fuq ħadd ma tista’ toqgħod aħjar minnha,
14għax xi drabi l-bniedem qalbu teħbru aħjar
minn seba’ għassiesa fuq torri fl-għoli.
15U barra minn dan itlob lill-Għoli,
li jmexxik dritt fi triq is-sewwa.L-għerf veru u l-għerf falz
16Ir-raġuni hi l-bidu ta’ kull għemil,
u l-ħsieb jiġi qabel kulma tagħmel.
17Bħala sinjal ta’ bidla fil-qalb
erba’ ishma jidhru:
18it-tajjeb u l-ħażin, il-ħajja u l-mewt,
u dak li jaħkem dejjem fuqhom hu l-ilsien.
19Hemm bniedem moħħu jilħaqlu li jgħallem lil ħafna,
imma għalih innifsu ma jiswa xejn.
20Hemm min, għalkemm jinqala’ biex jitkellem, ma jaħmluhx;
u jisfa’ nieqes minn kull ikel,
21ma ngħatatx lilu l-grazzja mill-Mulej,
għax hu nieqes minn kull għerf.
22Hemm min hu għaref għalih innifsu,
u l-frott ta’ għerfu f’fommu biss.
23Bniedem għaref jgħallem lill-poplu tiegħu stess,
u l-frott ta’ għerfu ta’ min joqgħod fuqu.
24Bniedem għaref jimtela bit-tifħir,
u jsejħulu hieni dawk kollha li jarawh.
25Il-ħajja ta’ bniedem titkejjel bl-għadd ta’ jiemu,
imma jiem Iżrael ma jingħaddux.
26Min hu għaref jikseb il-fiduċja tal-poplu tiegħu,
u ismu jibqa’ ħaj għal dejjem.Il-qjies
27Ibni, tul ħajtek qiegħed ruħek fil-prova,
u ara x’inhu ħażin għaliha u tagħtihulhiex;
28għax mhux kollox jgħodd għal kulħadd,
u mhux kulħadd kollox jogħġbu.
29Tkunx wieħed li ma xxebbgħek l-ebda ħaġa bnina,
u tingħatax għall-ikel żejjed,
30għax l-ikel żejjed iġib il-mard,
u l-kilba għall-ikel twassal għad-dardir.
31Ħafna mietu għax ma kilux bil-qjies;
imma min joqgħod attent itawwal ħajtu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.