BIN SIRAK Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebFl-ewwel snin tal-Knisja, dan il-ktieb insibuh taħt l-isem ta’ Ekkleżjastiku, li tfisser il-Ktieb tal-Knisja. Fil-fatt, f’dawk iż-żminijiet il-Ktieb ta’ Bin Sirak, kif insibuh magħruf aktar illum, kien jintuża għall-katekeżi tal-katekumeni, nies li jkunu qed jippreparaw ruħhom biex isiru nsara. Il-Lhud u l-insara Protestanti ma jqisux dan il-ktieb bħala ispirat.Dan il-ktieb hu meqjus fost il-Kotba tal-Għerf minħabba l-ħafna tagħlim prattiku li fih. Għandu l-istil tal-Ktieb tal-Proverbji, iżda fih ukoll taqsima li tiċċelebra l-għerf ta’ Alla fin-natura u f’persuni kbar fl-istorja tas-salvazzjoni. Ta’ min jinnota li l-kapitlu 51, li hu innu ta’ ringrazzjament u eżortazzjoni għall-għerf, hu bħal żjieda fl-aħħar, wara li l-ktieb kien diġà magħluq u ffirmat mill-awtur.It-tagħlim tul il-ktieb kollu, jinfirex fuq l-esperjenzi umani li huma dejjem ħajja u friski matul is-sekli. Il-ħsieb oriġinali tal-awtur kien li jħeġġeġ liż-żgħażagħ Lhud li jitgħallmu sewwa l-għerf li għaddewlhom missirijiethom fil-kultura u t-tradizzjoni Ġudajka. Inkiteb fi żmien imqalleb ħafna, meta l-Lhud kienu qed jiġu ppersegwitati mill-Griegi li riedu jinforzaw fuqhom l-istil ta’ ħajja pagana tal-Griegi.L-awtur iħeġġeġ lil-Lhud biex iżommu sħiħ fil-ħarsien tal-Liġi ta’ Mosè li rċevew minn Alla u jaddattawha f’kull ċirkostanza ta’ ħajjithom. Hekk isibu ruħhom sodi kontra l-attakki fuq il-qima u t-twemmin tagħhom.Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulejħejji ruħek għat-tiġrib.Kun sinċier f’qalbek u żomm sħiħ,biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ.Ingħaqad miegħu u titilqux,u tikber fil-ġieħ fi tmiem ħajtek. (2,1-3)It-taqsim tal-ktiebDaħlaTifħir lill-Għerf, l-ewwel parti (1,1—23,27)Dover, premju, u pariri prattiċi (1,1—16,23)L-għerf ta’ Alla u kif iwieġeb il-bniedem (16,24—23,27)Tifħir lill-Għerf, it-tieni parti (24,1—50,21)Għerf u virtù (24,1—32,13)L-għerf ta’ Alla u l-qima u x-xogħol tal-bniedem (32,14—42,14)Il-glorja ta’ Alla fin-natura (42,15—43,33)Tifħir għall-antenati (44,1—50,21)Għeluq u żjidiet (50,22—51,30)Daħla min-neputi tal-AwturĦafna ħwejjeġ kbar ingħataw lilna bis-saħħa tal-Liġi u tal-Profeti u tal-oħrajn li ġew warajhom. Ta’ dan wieħed għandu jagħti ġieħ lil Iżrael għax huma ħwejjeġ ta’ tagħlim u għerf. Imma dawk li jafu l-Iskrittura tagħhom, m’għandhomx biss ikunu midħla tagħha; iżda dawk li għandhom għal qalbhom it-tagħlim jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna għall-barranin b’dak li jgħidu u jiktbu.Kien għalhekk li n-nannu tiegħi Ġożwè, wara li ta ruħu b’dedikazzjoni kbira għall-istudju tal-Liġi u tal-Profeti u tal-kotba l-oħra ta’ missirijietna u sar jafhom tajjeb, ħass il-bżonn li hu wkoll jikteb xi ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mat-tagħlim u l-għerf, biex dawk li għandhom għal qalbhom it-tagħlim isiru jafu b’dawn ukoll u jimxu iktar ’il quddiem billi jgħixu skont il-Liġi.Għalhekk intom mitlubin li taqraw kollox b’rieda tajba u b’attenzjoni, u li tagħdruna fejn nidhru li ma kellniex ħila naqilbu xi kliem, minkejja li għamilna l-almu kollu tagħna fit-traduzzjoni. Għax dak li fl-oriġinal jingħad bil-Lhudi ma ssiblux kliem bl-istess tifsira meta tiġi biex taqilbu fi lsien ieħor. Mhux hawn biss, imma saħansitra fil-Liġi u l-Profeti u l-bqija tal-kotba, għax id-differenzi bejn dawn u dak li jingħad fl-oriġinal mhumiex żgħar.Fit-tmienja u tletin sena tas-sultan Ewergeti, inżilt l-Eġittu u qgħadt hemm għal xi żmien. Wara li tgħallimt mhux ftit ħassejt il-bżonn li jien stess niddedika ruħi b’ħeġġa u b’ħafna xogħol biex naqleb dan il-ktieb. F’dan iż-żmien sħart kemm flaħt u sirt midħla sewwa tal-ktieb biex inwasslu fit-tmiem u nippubblikah għal dawk li joqogħdu barra minn arthom u jixtiequ jitgħallmu kif għandhom ifasslu d-drawwiet tagħhom ħa jgħixu skont il-Liġi.