IL-KTIEB TAL-GĦERF 12 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 12

1Għax f’kulħadd hemm nifsek bla ma qatt jintemm.

2Għalhekk int twiddeb bil-ftit il-ftit lil dawk li jonqsu,

twissihom u tfakkarhom fejn dinbu,

biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom,

u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.Ħniena mal-Kangħanin

3Hekk int ’il dawk li dari kienu jgħammru fl-art imqaddsa tiegħek,

4stmellejthom minħabba l-għemejjel koroh tagħhom,

għax kienu jagħmlu sħarijiet u riti ħżiena.

5Joqtlu lil uliedhom bla ħniena,

jieklu l-ġewwieni u l-laħam tal-bniedem,

u jiskru fir-riti tal-misteri;

6u dawk il-ġenituri qattiela ta’ wliedhom bla saħħa,

int ridt teqridhom b’idejn missirijietna,

7biex art l-aktar għażiża għalik

tilqa’ fiha lil ulied Alla, bħala nies li jixirqulha.

8Imma ’l dawn ukoll, għax bnedmin huma, int ħfirtilhom;

bgħattilhom iż-żnażan qabel l-eżerċtu tiegħek,

biex jeqirduhom bil-mod il-mod.

9M’hux għax ma stajtx ixxejjen il-ħżiena f’taqbida mat-tajbin,

jew teqridhom f’salt wieħed b’bhejjem tal-biża’ jew b’kelma iebsa.

10Imma meta kont tikkundannahom bil-ftit il-ftit,

kont żmien tagħtihom għall-indiema.

Int kont taf tajjeb li nisilhom ħażin,

u li għeruqha fil-fond ħżunithom,

u li qatt ma kienu se jibdlu fehmithom;

11għax huma nisel misħut sa mill-bidu.

Mhux għax bżajt minn xi ħadd, int ħfirthielhom għal dnubiethom.

12Lilek min jista’ jgħidlek: “Hemm x’għamilt?”

u min jista’ jieqaf lid-digriet tiegħek?

Min jista’ jlumek jekk teqred il-ġnus li inti ħlaqt?

Min se jqum kontrik biex jaqbeż għan-nies ħżiena?

13Għax m’hemmx alla ieħor ħliefek, li jieħu ħsieb kollox,

biex ikollok turih li ma qtajtx il-ħaqq ħażin.

14L-ebda sultan jew mexxej ieħor ma jista’ jiqaflek

favur dawk li int ikkundannajt.Is-sewwa tal-Providenza ta’ Alla

15Imma int, għax inti ġust, kollox tmexxi bis-sewwa;

ma tqishiex tixraq lil setegħtek

tikkundanna ’l min hu bla ħtija.

16Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja,

u, għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd tagħder.

17Int turi saħħtek ma’ min ma jemminx fil-kobor ta’ setegħtek:

u trażżan ’il dawk li, għalkemm jafuha, iqumu kontriha.

18Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq bil-ħniena;

lilna tmexxina b’tjieba kbira.

Għalkemm għandek is-setgħa, issibha wkoll meta tridha.

19B’dan l-għemil int għallimt lill-poplu tiegħek,

li l-ġust għandu jkun twajjeb.

Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek,

li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom.

20Jekk b’daqshekk ħsieb u tjieba,

int għakkist l-għedewwa tal-qaddejja tiegħek li kien ħaqqhom il-mewt,

billi tajthom żmien u ħin li jħallu ħżunithom,

21b’kemm akbar reqqa għamilt ħaqq minn uliedek,

wara li b’ħalfa tajt lil missirijiethom il-patt, kollu wegħdiet ta’ ġid?

22Lilna, iva, twiddibna, imma elf darba aktar issawwat lill-għedewwa,

biex naħsbu fi tjubitek, meta aħna wkoll niġġudikaw,

u, meta niġu ġġudikati, nistennew il-ħniena.Il-kastig ġust tal-Eġizzjani

23Għalhekk dawk il-ħżiena, li għaddew ħajjithom fil-bluha,

int għakkisthom bl-għemejjel tagħhom stess ta’ min jistmellhom.

24Huma tbiegħdu żżejjed fi triq l-iżball,

meta laqgħu b’allat bhejjem fiergħa u moqżieża;

huma tqarrqu bħal tfal żgħar bla sens.

25Għalhekk, qishom kienu tfal bla sens,

int tajthom kastigi li waqqgħuhom għaż-żufjett.

26Imma dawk li ma jitgħallmux b’kastig taż-żufjett,

ikollhom joqogħdu għall-ħaqq li jaf jagħti Alla.

27Ħaduha bi kbira fit-tbatijiet tagħhom,

għax inħaqru b’dawk stess li huma qisuhom allat tagħhom.

Imbagħad Dak li qabel ma ridux jafu bih,

rawh u għarfuh li hu Alla tassew.

Hekk ġiet fuqhom l-eħrex kundanna.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help