ĠOB 19 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 19Ġob ifittex jistkenn fi twemminu

1Ġob wieġeb u qal:

2“Kemm se ddumu tkidduni,

u bi kliemkom tagħsruni?

3Għaxar darbiet s’issa żeblaħtuni,

u xejn ma stħajtu tkagħbruni.

4Nagħmluha li tassew għawwiġt triqti,

se jbejjet b’daqshekk l-iżball fija?

5Intom tieħdu r-riħ fuqi,

għax twikkuli bi ħtija l-għajb li għandi.

6Kunu afu li Alla hu li qalibhieli,

hu li xeħet madwari x-xibka tiegħu.

7Ngħajjat: ‘Moħqrija!’ u ħadd ma jweġibni,

nittallab l-għajnuna u ma ssirlix ġustizzja.

8Alla għalaqli t-triq biex ma ngħaddix,

firixli d-dlam fuq il-mogħdija.

9Neżżagħli l-ġieħ tiegħi,

neħħieli l-kuruna minn fuq rasi.

10Ġarrafni għalkollox u ġejt fix-xejn,

qalagħli bħal siġra t-tama tiegħi.

11Kebbes għalija l-korla tiegħu,

u żammni b’għadu tiegħu.

12Ingħaqdu flimkien il-qtajja’ tiegħu,

qabdu għal fuqi triqthom u waqqfu l-kamp madwari.

13Ħadli ’l ħuti ’l bogħod minni.

Ħbiebi saruli barranin.

14Għebu qrabati u l-ħbieb tal-qalba,

dawk li kont nilqa’ f’dari nsewni.

15San-nisa li jaqduni jżommuni bi frustier,

sirt għalihom bħal wieħed barrani.

16Insejjaħ lill-qaddej tiegħi u ma jweġibx,

għalkemm jiena nitolbu b’fomm il-ħniena.

17Nifsi jqażżeż lil marti,

sirt ninten għal nies dari.

18Iż-żgħar imqarqċin ukoll jistmerruni,

jgħadduni biż-żmien kif nidher quddiemhom.

19Il-ħbieb tal-qalb ilkoll jistkerrhuni,

dawk li ħabbejt daru kontrija.

20Leħni dab, sirt għadma u ġilda,

bilkemm baqagħli ġilda ma’ ħnieki.

21Ħennu għalija, ħennu għalija intom, ħbiebi

għax id Alla laqtitni.

22Għaliex tagħmlu għalija bħal Alla,

u minn laħmi ma tixbgħu qatt?

23Kemm nixtieq li kliemi jinkiteb,

kemm nixtieq li jitnaqqax fil-bronż,

24jew b’xafra tal-ħadid u b’mili taċ-ċomb

jitniżżel għal dejjem fil-blat!

25Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj

u fl-aħħar fuq it-trab iqum,

26u wara li jintemm ġildi,

għoddni bla laħam, nara ’l Alla.

27Lilu narah b’ħabib tiegħi,

Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani!

Qed iddub qalbi ġo fija …

28La qed tgħidu: ‘Kif se nagħmlu għalih?’,

u ‘Fih tinsab il-kawża ta’ li ġralu’,

29ngħidilkom: ‘Ibżgħu mis-sejf lest għalikom

għax b’korla għall-ħtijiet is-sejf jiġi,

u tkunu tafu li hemm Imħallef.’ ”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help