1Talba. Ta’ David.
Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,
ilqa’ l-għajta tiegħi,
agħti widen għat-talb tiegħi;
bla qerq huma xufftejja.
2Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija,
għajnejk jaraw is-sewwa.
3Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni,
jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.
4Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies;
ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.
5Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,
qatt ma għotru riġlejja.
6Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;
ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.
7Uri t-tjieba tiegħek tal-għaġeb;
int li teħles mill-għedewwa
lil min jittama fil-leminija tiegħek.
8Bħal ħabba tal-għajn ħarisni,
għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni
9mill-ħżiena li jagħfsu fuqi,
mill-għedewwa qattiela li jdawruni.
10Għalqu qalbhom għall-ħniena,
minn fommhom joħroġ kliem kburi.
11Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni,
ħarsithom fuqi, biex mal-art jitfgħuni.
12Huma bħal iljun imxennaq għall-priża,
bħal ferħ ta’ ljun moħbi wara l-mansab.
13Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu;
eħlisli ħajti minn id il-ħażin.
14B’sejfek, Mulej, b’idek mill-bnedmin eħlisni,
mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.
Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek,
ħa jieklu sax-xaba’ wliedhom,
u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!
15Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;
meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.