1Kliem Koħèlet bin David, sultan f’Ġerusalemm.
2O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħèlet.
O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!
3Xi qligħ għandu l-bniedem
mit-taħbit tiegħu kollu,
li jġarrab taħt ix-xemx?Xejn ġdid
4Ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi,
imma l-art tibqa’ għal dejjem.
5Ix-xemx titla’, ix-xemx tinżel,
u tgħaġġel lejn mnejn titla’.
6Jonfoħ ir-riħ lejn in-Nofsinhar,
u lejn it-Tramuntana jdur,
u jerġa’ lura lejn it-tidwir tiegħu.
7Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru,
iżda ma jimteliex il-baħar bihom;
mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom,
’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.
8Kollox fih it-taħbit tiegħu,
u dan il-bniedem ma jasalx li jfissru;
l-għajn ma tixbax tara,
u ma timtela qatt bis-smigħ il-widna.
9Dak li ġa sar hu dak li għad isir,
li ġara huwa dak li għad jiġri;
xejn ġdid m’hemm taħt ix-xemx.
10Hemm xi ħaġa li fuqha tista’ tgħid:
“Ara din ħaġa ġdida?”
Le, din diġà kienet fiż-żminijiet qabilna.
11La dak li sar qabilna ma niftakru,
lanqas jiftakru dak li jsir warajna.Il-frugħa tal-għerf
12Jien Koħèlet, kont Ġerusalemm,
insaltan fuq Iżrael.
13U tajt ruħi biex infittex u nistħarreġ
bl-għerf dak kollu li jsir taħt is-sema.
Biċċa xogħol iebsa din li Alla ta ’l ulied il-bniedem biex jedhew fiha.
14Rajt l-għemejjel kollha li jsiru taħt ix-xemx, u ara x’sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-riħ.
15L-imgħawweġ ma tistax tiddrittah, u n-nieqes ma tistax issib tarfu.
16Għedt bejni u bejn ruħi: “Ara, jien kbirt u geddist l-għerf, għaddejt lil ta’ qabli kollha f’Ġerusalemm; sirt midħla sewwa tal-għerf u x-xjenza.”
17Xħin imbagħad inxħett nistħarreġ l-għerf u x-xjenza, il-bluha u n-nuqqas ta’ moħħ, għaraft li dan ukoll hu ġiri wara r-riħ.
18Għax il-kotra tal-għerf iġġib ħafna tħassib, u aktar ma taf aktar għandek biex titnikket.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.