1Mhuwiex isejjaħ l-għerf
u d-dehen mhuwiex qiegħed jgħajjat?
2Fil-quċċata tal-għoljiet matul it-triq,
qagħad l-għerf f’salib it-toroq,
3ħdejn il-bieb, quddiem il-belt,
fid-daħla tal-bieb jgħajjat bil-qawwa:
4“Lilkom, nies, qiegħed insejjaħ,
għall-bnedmin hi l-għajta tiegħi.
5Tgħallmu, ċkejknin, l-għaqal;
nies bla moħħ, ifhmu daqsxejn.
6Isimgħu, għax ħwejjeġ kbar se ngħidilkom,
kliem is-sewwa se joħroġ minn fommi;
7għax fommi jitkellem is-sewwa;
u xufftejja jistmellu l-gideb.
8Kliem fommi hu kollu sewwa,
ma fih ebda tidwir jew tagħwiġ.
9Kollu dritt għal min għandu d-dehen,
kollu sewwa għal min għandu l-għerf.
10It-tagħlim tiegħi ilqa’, u mhux il-fidda,
u l-għerf aktar mid-deheb safi;
11għax l-għerf aħjar mill-qroll aħmar,
mhu xejn ħdejh il-ħaġar prezzjuż.
12Jien, l-għerf, ngħix mal-għaqal,
u nimxi bil-ħsieb u l-qjies.
13Il-biża’ tal-Mulej jobgħod il-ħażen.
Kburija, ksuħat, għemejjel ħżiena,
kliem ta’ ħsara jien nobgħodhom.
14Jiena għandi l-fehma u l-għaqal,
jiena għandi d-dehen u l-qawwa.
15Bil-ħila tiegħi jsaltnu s-slaten,
u l-mexxejja jagħmlu liġijiet tajba.
16Bil-ħila tiegħi jaħkmu l-ħakkiema,
u l-kbarat imexxu l-art.
17Jiena nħobb lil min iħobbni,
jien, min ifittixni jsibni.
18Tiegħi huma l-għana u l-ġieħ,
il-ġid bla tarf u s-saħħa.
19Il-frott tiegħi aħjar mid-deheb fin,
u d-dħul tiegħi aqwa mill-fidda magħżula.
20Jien fit-triq tal-ġustizzja nimxi,
mill-mogħdijiet tas-sewwa ngħaddi,
21nagħti l-ġid lil dawk li jħobbuni,
u nimlielhom il-ħażniet tagħhom.
22Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu,
sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.
23Sa minn dejjem twaqqaft,
mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.
24Kien għad m’hemmx l-ibħra l-kbar, meta tnissilt jien,
kien għad m’hemmx għejun inixxu l-ilma;
25qabel ma tqiegħdu l-muntanji,
qabel l-għoljiet jien twelidt.
26Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba’ tagħha,
u lanqas l-ewwel traba tal-art.
27Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,
meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,
28meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,
u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta’ qiegħ il-baħar;
29meta ħażżeż trufijiet il-baħar,
biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;
meta qiegħed sisien l-art,
30jien kont maġenbu bħala tfajjel,
l-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor,
nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;
31nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin,
nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.
32U issa wliedi, isimgħu lili:
henjin dawk li jimxu fi triqati.
33Isimgħu t-tagħlim u tiksbu l-għerf,
u twarrbux it-tagħlim.
34Hieni l-bniedem li jismagħni,
li jishar kuljum wara biebi,
li jgħasses kuljum mal-għatba ta’ biebi;
35għax min isib lili jsib il-ħajja,
u jikseb l-imħabba tal-Mulej;
36iżda min jitlef lili, hu jbati;
kull min jobgħod lili jħobb il-mewt.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.