1Ġob wieġeb u qal:
2“Tassew li intom biss il-bravi,
u l-għerf jispiċċa xħin tmutu intom!
3Imma jien għandi moħħ bħal tagħkom,
xejn ma jiena inqas minnkom.
U min ma jafx ħwejjeġ bħal dawn?
4Iżda sirt jien tad-daħk għal ħbiebi:
‘Arawh, sejjaħ ’l Alla u wieġbu!’
Tad-daħk il-ġust, il-bniedem sewwa!
5‘Agħar għalih il-magħkus,’ jgħid il-paxxut,
‘gambetta għal min riġlu mriegħed.’
6Iżda hemm ir-risq fl-għerejjex tal-ħallelin,
u ħadu r-riħ dawk li jinbxu ’l Alla,
donnhom għandhom ’l Alla f’idhom.
7Issa staqsi ’l-bhejjem u jgħallmuk;
lit-tjur tal-ajru u jgħidulek;
8staqsi lill-ħniex tal-art u jgħallmuk;
u l-ħut tal-baħar ukoll jgħidlek.
9Min fost dawn kollha ma jafx
li id il-Mulej għamlet kollox?
10F’idejh hi ħajjet kulma jgħix,
f’idejh nifs il-ħajjin kollha.
11Forsi l-widna ma ġġarrabx il-kliem
bħalma l-ħalq itiegħem l-ikel?
12Mhux fix-xjuħija ssibu l-għerf?
M’hux il-ħajja twila li ġġib d-dehen?
13Iżda għand Alla hemm l-għerf u l-qawwa,
tiegħu l-parir u tiegħu d-dehen.
14Dak li jġarraf hu, ma jerġax jinbena;
lil min isakkar hu, ħadd ma jista’ jiftaħlu.
15Hu jżomm l-ilmijiet, u taqa’ n-nixfa;
hu jerħilhom, u jifqgħu l-art.
16Fih hemm il-qawwa u l-għaqal,
tiegħu hu min jitqarraq u min iqarraq.
17Hu jibgħat ħafjin lill-kunsillieri,
u jbellah lill-imħallfin.
18Hu jħoll il-ħżiem tas-slaten,
u jdawrilhom ħabel ma’ qaddhom.
19Hu jibgħat ħafja lill-qassisin,
u jniżżel minn posthom lis-setgħanin.
20Hu jbikkem lil dawk li jafu jitkellmu,
u lix-xjuħ jeħdilhom moħħhom.
21Jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat,
u jdgħajjef ħżiem il-qawwijin.
22Hu joħroġ mid-dlam ħwejjeġ mistura,
u fuq id-dlam jixħet id-dawl.
23Jibni l-ġnus u jġarrafhom,
jifrex il-popli u jeqridhom.
24Il-mexxejja tal-pajjiż jeħdilhom id-dehen,
u jitlaqhom jiġġerrew f’deżert bla triq;
25iteftfu fid-dlam mingħajr dawl,
u jixxenglu qishom fis-sakra.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.