2 KRONAKI 29 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 29Is-saltna ta’ Ħeżekija

1Ħeżekija beda jsaltan meta kellu ħamsa u għoxrin sena u baqa’ jsaltan Ġerusalemm għal disgħa u għoxrin sena, u ommu kien jisimha Abija, bint Żakkarija.2 Slat 18,1-3.

2U għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej bħal kulma kien għamel David missieru.

3Fl-ewwel sena tas-saltna tiegħu, fl-ewwel xahar, fetaħ il-bibien tat-tempju tal-Mulej u sewwiehom.2 Kron 28,24.

4Ġieb il-qassisin u l-Leviti, u laqqagħhom fil-misraħ tal-Lvant

5u qalilhom: “Isimgħuni, Leviti. Issa tqaddsu u qaddsu dar il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom, u oħorġu ’l barra t-tinġis mis-santwarju.

6Għax dinbu missirijietna, u għamlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej, Alla tagħna, telquh, u dawru wiċċhom ’l hemm mill-għamara tal-Mulej, u tawh daharhom.

7U saħansitra sakkru l-bibien tal-portiku, tfew l-imnariet, u ma ħarqux aktar l-inċens, u ma offrewx aktar sagrifiċċji fis-santwarju lil Alla ta’ Iżrael.2 Slat 16,15; 2 Kron 2,3.

8Għalhekk għadab il-Mulej waqa’ fuq Ġuda u Ġerusalemm, u għamel minnhom waħx u għaġeb u oġġett għat-tisfir, bħalma taraw b’għajnejkom.Lev 26,32-33; Dt 28,25; Ġer 25,18.

9U araw, waqgħu missirijietna bix-xabla, u s-subien u l-bniet u n-nisa tagħna spiċċaw fil-jasar minħabba dan.

10“Issa għamilt il-ħsieb li nagħmel patt mal-Mulej, Alla ta’ Iżrael, biex iraġġa’ lura s-saħna tiegħu ’l bogħod minna.

11Issa, uliedi, titnikkrux, għax il-Mulej għażilkom biex toqogħdu quddiemu u sservuh, u tkunu l-ministri tiegħu biex taħarqulu l-inċens.”

Il-Leviti jnaddfu t-tempju

12U qamu l-Leviti: Maħat bin Għamaxaj, u Ġoel bin Għażarija, minn ulied il-Keħatin; u minn ulied Merari: Kis bin Għabdi u Għażarija bin Ġeħallelijel: u mill-Gersunin: Ġowaħ bin Żimma u Għeden bin Ġowaħ;

13minn ulied Elisafan: Simri u Ġegħijel; minn ulied Asaf: Żakkarija u Mattanija;

14minn ulied Ħeman: Ġeħijel u Simgħi; minn ulied Ġedutun: Semajja u Għużżijel.

15U ġemgħu lil ħuthom u tqaddsu, u ġew biex inaddfu dar il-Mulej, skont l-ordni tas-sultan fuq il-kelma tal-Mulej.

16U l-qassisin daħlu ’l ġewwa nett fid-dar tal-Mulej biex inaddfuha, u ħarġu l-ħmieġ kollu li sabu fis-santwarju tal-Mulej, fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej, u ħaduh il-Leviti biex jeħduh ’il barra lejn il-wied ta’ Kedron.2 Kron 15,16.

17U bdew iqaddsuh fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, u waslu ħdejn il-portiku tal-Mulej; u ħadu tmint ijiem oħra biex qaddsu dar il-Mulej, u spiċċaw fis-sittax-il jum tal-ewwel xahar.

18U mbagħad daħlu għand is-sultan Ħeżekija, u qalulu: “Naddafna t-tempju kollu tal-Mulej, u l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq bit-tagħmir kollu tiegħu, u l-mejda tal-ħobż tal-preżenza bit-tagħmir kollu tagħha.

19U t-tagħmir kollu li Aħaż, is-sultan, kien warrab fis-saltna tiegħu minħabba dnubietu, lestejniehom u qaddisniehom; u hemm huma quddiem l-artal tal-Mulej.”

20U s-sultan Ħeżekija qam kmieni u ġabar il-prinċpijiet tal-belt u tala’ fid-dar tal-Mulej.

21Ġiebu seba’ gniedes, u seba’ mtaten, u sebat iħrief, u seba’ bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni għas-saltna, għas-santwarju, u għal Ġuda. U ordna lil ulied Aron, il-qassisin, li joffru s-sagrifiċċji fuq l-artal tal-Mulej.

22U qatlu l-gniedes, u l-qassisin ħadu d-demm u raxxewh mal-artal; u qatlu l-imtaten u raxxew demmhom mal-artal; u qatlu l-ħrief u raxxew demmhom mal-artal;

23imbagħad ressqu l-bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni quddiem is-sultan u l-ġemgħa, u qiegħdu idejhom fuqhom.

24Imbagħad il-qassisin qatluhom, u offrew demmhom b’purifikazzjoni tad-dnub fuq l-artal, biex jaqilgħu l-maħfra għal Iżrael kollu, għax is-sultan kien ordna li jsiru sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tal-purifikazzjoni għal Iżrael kollu.

25U hu qiegħed il-Leviti f’dar il-Mulej biċ-ċnieċel, bl-arpi u biċ-ċetri, skont l-ordni ta’ David, u Gad, il-veġġent tas-sultan, u Natan, il-profeta. Għax mingħand il-Mulej kien ġej l-ordni permezz tal-profeti.

26U l-Leviti qagħdu bl-istrumenti ta’ David, u l-qassisin bit-trombi.

27U Ħeżekija ordna li joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. Malli beda s-sagrifiċċju, beda l-kant lill-Mulej, u d-daqq tat-trombi msieħba mill-istrumenti ta’ David, is-sultan ta’ Iżrael.

28U l-ġemgħa kollha niżlet wiċċha fl-art tadura, fost id-diwi tal-kant u d-daqq tat-trombi sa ma ntemm is-sagrifiċċju tal-ħruq.

29U xħin intemm is-sagrifiċċju tal-ħruq, is-sultan u dawk kollha li kienu miegħu niżlu wiċċhom fl-art jaduraw.

30U Ħeżekija u l-prinċpijiet ordnaw lil-Leviti li jfaħħru lill-Mulej bi kliem David u Asaf, il-veġġent; u bdew ikantaw għana ta’ tifħir u ferħ, u jaduraw wiċċhom fl-art.

31U Ħeżekija beda jitkellem u jgħid: “Issa li tqaddistu għall-Mulej, ersqu u ġibu vittmi u offerti ta’ radd il-ħajr f’dar il-Mulej.” U l-ġemgħa ġiebu vittmi u offerti ta’ radd il-ħajr, u xi wħud ta’ qalb kbira ġiebu vittmi għas-sagrifiċċju tal-ħruq.Lev 7,11.

32U l-għadd tal-vittmi għas-sagrifiċċju tal-ħruq li ġiebet il-ġemgħa laħaq sebgħin gendus, mitt muntun, mitejn ħaruf - dawn kollha għas-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.

33L-offerti mqaddsa kienu sitt mitt gendus, u tlitt elef nagħġa.

34Imma l-qassisin kienu ftit u ma setgħux ilaħħqu biex jisolħu l-vittmi kollha tas-sagrifiċċju tal-ħruq; u ħuthom il-Leviti għenuhom sa ma ntemm ix-xogħol u l-qassisin laħqu tqaddsu - għax il-Leviti kienu aktar mill-qassisin qalbhom ħerqana biex jitqaddsu.1 Kron 15,12.

35U kien hemm abbundanza ta’ vittmi għall-ħruq, u xaħam tal-vittmi tas-sliem u l-libazzjonijiet tas-sagrifiċċji tal-ħruq. Hekk is-servizz f’dar il-Mulej beda jseħħ mill-ġdid.

36U feraħ Ħeżekija u l-poplu kollu b’dak kollu li l-Mulej għamel għall-poplu, għax kollox sar malajr.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help