1Ġwanni tela’ minn Geżer u għarraf lil missieru Xmun b’kulma kien qiegħed jagħmel Kendebew.
2Xmun sejjaħ liż-żewġ uliedu l-kbar, Ġuda u Ġwanni, u qalilhom: “Jiena u ħuti u d-dar ta’ missieri tqabadna mal-għedewwa ta’ Iżrael minn żgħożitna sal-ġurnata tal-lum, u rnexxielna bil-ħila tagħna neħilsu lil Iżrael ħafna drabi.
3Issa jiena xjeħt u intom bi ħniena kbirtu biżżejjed. Idħlu mela minn floki u minn flok ħija u morru tqabdu għan-nazzjon tagħna. L-għajnuna tas-sema tkun magħkom.”
4Imbagħad Ġwanni għażel mill-pajjiż għoxrin elf raġel gwerrier u kavallieri, u dawn telqu għal Kendebew u għaddew il-lejl f’Modin.
5Filgħodu qamu u marru fil-wita, u jaraw eżerċtu kbir, fanterija u kavallerija, ġej għalihom; wied biss kien hemm bejniethom.
6U waqqaf il-kamp quddiemhom, hu u n-nies tiegħu. Xħin ra l-poplu mbażża’ li jaqsam il-wied, qasam hu l-ewwel; malli n-nies rawh, qasmu huma wkoll warajh.
7Qassam in-nies tiegħu u qiegħed il-kavallerija f’nofs il-fanterija, għax il-kavallerija tal-għadu kienet kotrana wisq.
8Imbagħad daqqew it-trombi, u ’l Kendebew u l-eżerċtu tiegħu ħarrbuhom u ħafna minnhom waqgħu midrubin, u l-bqija ħarbu lejn il-fortizza.
9Dakinhar baqa’ midrub ukoll Ġuda, ħu Ġwanni. Ġwanni baqa’ sejjer għal warajhom sa ma wasal Kedron, li kien bena Kendebew.
10U l-għedewwa baqgħu sejrin maħrubin sat-torrijiet fl-inħawi ta’ Ażotu, u Ġwanni taha n-nar. Minnhom inqerdu madwar elfejn raġel, u hu raġa’ lura lejn il-Lhudija bis-sliem.
Il-mewt ta’ Xmun (135 QK)11Ptolomew bin Abub kien sar gvernatur tal-wita ta’ Ġeriko; u kellu ħafna fidda u deheb
12għax kien ħaten il-qassis il-kbir.
13Imma hu tkabbar f’qalbu u ried jiggverna l-pajjiż kollu u beda jaħseb biex iqarraq bi Xmun u wliedu ħalli jeħles minnhom.
14Xmun kien qiegħed idur l-ibliet imxerrda mal-pajjiż biex jaħsbilhom għall-bżonnijiet tagħhom, u niżel Ġeriko b’uliedu Mattatija u Ġuda fil-ħdax-il xahar, ix-xahar ta’ Sebat, tas-sena 177.
15Bin Abub qarraq bihom u laqagħhom ġo fortizza żgħira jisimha Dok, li kien bena hu, u għamlilhom ikla kbira; u kien ħeba xi nies hemmhekk.
16Xħin Xmun u wliedu kienu xurbana, Ptolomew u n-nies li kellu miegħu qamu, qabdu l-armi, u daħlu għal fuq Xmun fil-kamra tal-ikel u qatluhom, lilu u ż-żewġ uliedu u xi wħud mill-qaddejja tiegħu.
17U dan hu d-delitt kbir li għamel: ħallas il-ġid bid-deni!
18Imbagħad Ptolomew kiteb dan kollu lis-sultan, u bagħat jitolbu biex jibgħatlu eżerċtu biex jgħinu u jħalli l-pajjiż u l-ibliet f’idejh.
19U bagħat nies oħra f’Geżer biex joqtlu lil Ġwanni; bagħat ukoll ittri lill-ġenerali biex imorru għandu u wegħedhom fidda u deheb u rigali.
20U bagħat ukoll oħrajn biex jaħtfu ’l Ġerusalemm u l-għolja tat-tempju.
21Xi ħadd mar jiġri quddiem, biex jagħti l-aħbar lil Ġwanni f’Geżer li kienu qatlu lil missieru u lil ħutu, u li “Bagħat joqtol lilek ukoll.”
22Malli sama’ dan, inħasad. Qabad in-nies li ġew jeqirduh, u qatilhom. Induna li kienu ġew biex jeqirduh.
23U l-bqija tal-ġrajja ta’ Ġwanni u l-gwerer tiegħu u r-rebħiet kbar tiegħu, il-bini tas-swar li tella’, u l-għemil tiegħu,
24dan kollu jinsab miktub fil-Ktieb tal-Ġrajja tas-saċerdozju tiegħu mindu kien laħaq qassis il-kbir flok missieru.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.