BIN SIRAK 21 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 21Diversi dnubiet

1Ibni, dnibt? Terġax,

u itlob maħfra għal ta’ qabel.

2Kif taħrab minn quddiem serp,

hekk ukoll aħrab id-dnub;

għax jekk tersaq lejh, tingidem;

snienu huma snien ta’ ljun,

u jtertqu ħajja ta’ bniedem.

3Kull ksur tal-Liġi bħal xabla b’żewġt ixfar;

m’hemmx fejqan għall-ġrieħi li tista’ tagħmel.

4Il-prepotenza u l-vjolenza jġibu fix-xejn il-ġid;

hekk titħarbat dar il-kburin.

5It-talba tal-fqir minn fommu għal widnejn Alla,

u l-ħaqq tiegħu jasal bil-ħeffa.

6Min jobgħod ċanfira miexi fi triq id-dnub,

imma min jibża’ mill-Mulej jindem minn qalbu.

7Min hu qawwi fi lsienu jingħaraf mill-bogħod,

imma min jifhem jintebaħ malli jiżloq.

8Min jibni daru bi flus ħaddieħor,

qisu bħal min jiġbor gozz ġebel għal fuq qabru.

9Il-ġemgħa tal-ħżiena hi bħal gozz qanneb,

u tmiemhom ħuġġieġa nar.

10Triq il-midinba mibnija b’ċangaturi tal-ġebel,

imma f’tarfha hemm ħofret l-imwiet.L-għaref u l-iblah

11Min iħares il-Liġi jegħleb il-ġibdiet tiegħu,

imma l-biża’ tal-Mulej iwassal għall-għerf sħiħ.

12Ma jitgħallimx min m’għandux għaqal,

imma hemm għaqal li jkattar l-imrar.

13Tagħlim l-għaref jikber bħal għargħar,

u t-twissija tiegħu bħal għajn ta’ ilma ġieri.

14Qalb l-iblah bħal vażett imxaqqaq;

ebda tagħlim ma żżomm.

15Jekk jisma’ kliem għaref min għandu t-tagħlim,

ifaħħru u jżid miegħu;

jisimgħu min ħajtu jgħaddiha fix-xalar, imma ma jogħġbux,

u jitfgħu wara dahru.

16Diskors l-iblah hu bħal tagħbija fi vjaġġ,

imma fuq fomm bniedem li jifhem tinsab il-ħlewwa.

17Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat,

u f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu.

18Bħal dar li għebet, hekk l-għerf għall-iblah,

u t-tagħlim ta’ min hu bla moħħ hu kliem ma jinftihemx.

19Xkiel mas-saqajn hu t-tagħlim għal ta’ bla moħħ,

u bħal irbit ma’ idu l-leminija.

20L-iblah jidħak jgħajjat,

imma l-bniedem moħħu jilħaqlu jitbissem bil-kwiet kollu.

21Bħal tiżjin tad-deheb hu t-tagħlim għall-għaqli,

u bħal brazzuletta fi driegħu l-lemini.

22Riġel l-iblah jitlaq jiġri lejn dar,

imma bniedem imġarrab jieqaf mistħi quddiemha.

23L-iblah iħares f’dar mill-bieb ’il ġewwa

imma bniedem imrobbi sewwa joqgħod barra.

24Hi mġiba ħażina li bniedem joqgħod jissamma’ ma’ bieb,

u min hu bil-għaqal ma jġerrħux għajb bħal dan.

25Xufftejn il-boloh jgħidu x’qal ħaddieħor,

imma n-nies għaqlija jiżnu kliemhom sewwa.

26Il-boloh huma ta’ żaqqhom f’fommhom,

imma l-għorrief ta’ fommhom f’qalbhom.

27Meta min ma jibżax minn Alla jisħet

l-għadu tiegħu, ikun jisħet lilu nnifsu.

28Iħammeġ ruħu min iseksek,

u jkunu jobogħduh in-nies kull fejn ikun.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help