ĠEREMIJA 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6L-għadu wara l-bieb

1Oħorġu għall-kenn lil ulied Benjamin,

minn nofs Ġerusalemm!

Doqqu t-tromba f’Tekugħa,

u fuq Bet-kerem tellgħu sinjal,

għax ġejja l-ħsara mit-Tramuntana,

u l-qerda kbira riesqa.

2Neqridha ’l Bint Sijon,

ix-xbejba mħejma u sabiħa.

3Jiġu r-rgħajja għaliha bl-imrieħel tagħhom;

kontriha jwaqqfu l-għerejjex dawramejt,

kull wieħed jirgħa fil-qasam tiegħu.

4“Tħejju għall-battalja kontriha,

qumu u nitilgħu f’nofsinhar.

Jaħasra għalina, il-jum riesaq lejn tmiemu;

u d-dellijiet ta’ filgħaxija twalu.

5Qumu u nitilgħu billejl

u neqirdulha l-palazzi!”

6Għax dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

“Qaċċtu s-siġar tagħha;

tellgħu ħajt madwar Ġerusalemm.

Din il-belt mogħtija għall-kastig;

fiha m’hemmx ħlief moħqrija.

7Bħalma bir ifawwar ilmijietu,

hekk hi tfawwar ħżunietha.

Ma tismax fiha ħlief: ‘Vjolenza u moħqrija

quddiemi ma nilmaħx ħlief mard u ġrieħi.’

8Tgħallem Ġerusalemm,

li ma tmurx qalbi titbiegħed minnek;

li ma nagħmilx minnek ħerba,

art li ma jgħammar fiha ħadd.”

9Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

“Laqqtu, laqqtu bħallikieku minn dielja,

il-fdal ta’ Iżrael,

midd idejk fuq il-friegħi bħal min jiġbor l-għeneb.”

10Lil min se nkellem?

Lil min inwiddeb li jismagħni?

Bla ħtin widnejhom,

u ma jistgħux jisimgħu.

Araw, il-kelma tal-Mulej żebliħ għalihom,

gost biha ma jeħdux!

11Jien nixgħel b’għadab il-Mulej,

ma niflaħx aktar!

“Ferrgħu fuq it-tfal fit-triq,

u fuq iż-żgħażagħ miġbura flimkien,

għax ir-raġel u l-mara jinħatfu f’salt,

ix-xiħ u l-mimli bl-għomor.

12U djarhom jaqgħu f’idejn il-barranin

bir-raba’ u n-nisa tagħhom f’daqqa.

Għax immidd idejja

fuq in-nies ta’ dal-pajjiż,”

oraklu tal-Mulej.

13Miż-żgħir sal-kbir,

ilkoll ħsiebhom fis-serq,

mill-profeta sal-qassis,

ilkoll mogħtija għall-qerq.

14U jippretendu li jdewwu l-ġerħa tal-poplu tiegħi

bħallikieku xejn u jgħidu:

“Sliem, Sliem” u mhuwa sliem xejn.

15Forsi stħaw meta għamlu l-qżiżijiet?

Ma stħaw xejn;

lanqas biss jafu jiħmaru.

Għalhekk għad jaqgħu ma’ dawk li diġà waqgħu,

jiġġarrfu f’jum kastighom,

jgħid il-Mulej.

16Dan jgħid il-Mulej:

“Ieqfu fit-toroq u ħarsu,

staqsu għall-mogħdijiet ta’ dari,

fejn hi t-triq it-tajba u aqbdu lilha,

u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom!”

Imma huma wieġbu: ‘Fiha ma nimxux.’

17Jien qegħedt fuqhom l-għassies u għedtilhom:

Agħtu widen għal leħen it-tromba.’

U huma wieġbu: ‘Ma rridux nagħtu widen.’

18Għalhekk ħa jisimgħu l-ġnus,

u tifhem il-ġemgħa x’se jiġri fosthom.

19Isma’, art!

Arani, se nġib fuq dan il-poplu ħsara,

frott ta’ fehmiethom.

Għax ma tawx widen għal kliemi

u l-liġi tiegħi ċaħduha.

20X’jiswieli l-inċens ġej minn Saba?

U l-kannella tfuħ minn art imbiegħda?

Is-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom ma jogħġbunix,

u l-vittmi tagħkom ma jgħaxxqunix.

21Għalhekk dan jgħid il-Mulej:

‘Arawni: jien se nqiegħed it-tfixkil għal dan il-poplu,

biex fih jitfixklu żgur,

il-missirijiet u wliedhom flimkien,

il-ġar u sieħbu jinqerdu.’

22Dan jgħid il-Mulej.

Araw! għad jiġi poplu mit-Tramuntana,

u ġens kbir jitqanqal minn truf l-art.

23Il-qaws u l-lanza jaqbdu,

qalila u bla ħniena huma;

ħosshom ikarwat bħal baħar,

riekba fuq iż-żwiemel,

lesti għat-taqtigħa

kontrik, Bint Sijon.

24Smajna bil-fama tagħhom,

u idejna ntelqu,

u qabditna d-diqa,

u l-uġigħ ta’ mara fil-ħlas.

25Toħorġux fir-raba’,

tmorrux fit-triq,

għax hemm ix-xabla tal-għadu,

u t-twerwir ma’ kullimkien.

26Bint il-poplu tiegħi, ilbes ix-xkora,

u tqalleb fl-irmied.

Agħmel il-luttu bħallikieku għal iben waħdieni,

ibki bl-imrar;

għax għal għarrieda fuqna

ġej il-qerried.

27Jien qegħedtlek bħal ġarrab fost il-poplu tiegħi,

biex int tistħarreġ u ġġarrab imġibthom,

28ilkoll kemm huma ribelli fuq li ribelli,

mhux ħlief ixerrdu l-qlajja’.

Ram u ħadid,

ilkoll imħassra.

29Jonfoħ bil-qawwa l-minfaħ,

u r-ram jintemm bin-nar;

xejn ma jiswa t-tidwib,

il-ħżiena ma tnaqqewx.

30‘Fidda mormija’ jsejħulhom,

għax irmiehom il-Mulej.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help