1Oraklu fuq Tir:
“Ixhru, ġfien ta’ Tarsis,
għax il-port tagħkom qerduh! M’hemmx dħul!
Minn art il-Kittin waslet l-aħbar!
2Tbikkmu, intom li tgħammru x-xatt,
merkanti ta’ Sidon!
3L-aġenti tiegħek kienu jaqsmu l-ibħra kbar.
Ġidha kien il-qamħ ta’ Siħor u l-ħsad tan-Nil,
u hi kienet is-suq tal-ġnus.
4Għajb għalik, Sidon, il-fortizza tal-baħar,
għax il-baħar jgħid:
‘Jien ma kellix uġigħ il-ħlas,
u lanqas ma wlidt.
Jien żgħażagħ ma rabbejtx,
lanqas xbejbiet ma rawwimt.’
5Meta tasal l-aħbar l-Eġittu,
dawn iħossu l-uġigħ għal li ġralha Tir.
6Għaddu għal Tarsis,
ixhru intom li tgħammru fix-xtut!
7Hi din il-belt ferrieħa tagħkom,
mnissla minn żmien il-qedem,
li riġlejha kienu jeħduha tgħammar fil-bogħod?
8Min iddeċieda dan għal Tir,
il-belt inkurunata,
li l-merkanti tagħha kienu prinċpijiet,
u n-neguzjanti tagħha stmati mad-dinja kollha?
9Il-Mulej tal-eżerċti ddeċieda dan,
biex iwaqqa’ fl-għajb kull ġmiel,
u jniżżel in-nies stmati mad-dinja kollha.
10Aħdem artek, bint Tarsis,
għax il-port m’għadux hemm.
11Il-Mulej medd idu fuq il-baħar,
u riegħed is-saltniet.
Il-Mulej ordna lil Kangħan,
li tħott il-fortizzi tagħha.
12U qal: ‘La tifraħx iżjed,
xbejba mkasbra, bint Sidon!
Qum, mur imqar għand il-Kittin,
lanqas hemm ma ssib mistrieħ.’
13Ara, art il-Kaldin.
Dan il-poplu ma kienx hemm,
l-Assirja rħietu għall-bhejjem selvaġġi.
Dawret it-torrijiet tagħha madwaru,
ġarrfet il-palazzi tiegħu,
għamlet ħerba minnu.
14Ixhru ġfien ta’ Tarsis,
għax il-fortizza tagħkom saret ħerba.
15Għad jiġri li Tir tintesa għal sebgħin
sena, daqs żmien sultan wieħed, u fi tmiem
is-sebgħin sena Tir tkun bħall-għanja
tal-prostituta:
16‘Aqbad l-arpa, dur mal-belt,
ja mara żienja, insewk!
Doqq bis-sengħa,
kattar l-għana;
għandhom mnejn jiftakru fik.’
17Malli jgħaddu s-sebgħin sena l-Mulej iżur lil Tir, u terġa’ tinkera bħal qabel u tiżni mas-saltniet kollha fuq wiċċ l-art.Apk 17,2.
18U l-qligħ u l-ħlas tal-kiri tagħha jkunu ddedikati lill-Mulej; ma jerfgħuhomx u lanqas jaħżnuhom, għax il-ħlas tagħha jmur għal dawk li jgħammru quddiem il-Mulej, biex jieklu bix-xaba’ u jilbsu lbies mill-isbaħ.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.