1Wieħed ilesti biex isiefer,
u jaħseb biex jaqsam imwieġ qalila,
isejjaħ l-għajnuna ta’ biċċa laqxa aktar dgħajfa mill-ġifen li jġorru.
2Għax il-ġifen sar bix-xewqa ta’ qligħ il-flus,
u r-raġel tas-sengħa ħadmu b’għerfu.
3Imma l-providenza tiegħek, Missier, tmexxih;
għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll,
u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ.
4Hekk turi li int tista’ teħles minn kull tiġrif,
biex ukoll min ma jifhimx jista’ jbaħħar.
5Inti ma tridx li għemil l-Għerf tiegħek ikun għal xejn;
għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom fuq għuda dgħajfa,
u jaqsmu, qawwijin u sħaħ, imwieġ kbar fuq ċattra.
6Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu l-ġganti l-kbar,
fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja
u, immexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa ta’ nisel ġdid.
7Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!
8Imma l-idolu, maħdum minn għuda b’id il-bnedmin,
misħut hu u min għamlu;
wieħed għaliex ħadmu
u l-ieħor għaliex ħaġa tintemm semmewha alla.
9Għax Alla jobgħod xorta waħda l-ħażen u ’l min jagħmlu;
10l-idolu u ’l min ħadmu jikkastigahom it-tnejn.
11Għalhekk jasal ukoll żmien iż-żjara fuq allat il-ġnus,
għax saru ħwejjeġ mistkerrha fost il-ħlejjaq ta’ Alla;
huma tfixkil għall-erwieħ tal-bniedem,
u nassa għal riġlejn il-boloh.Il-kawża tal-idolatrija
12Il-ħsieb li jsiru l-idoli kien il-bidu taż-żina;
u l-ħajja tħassret għax daħlu huma.
13Fil-bidu huma ma kinux u lanqas jibqgħu għal dejjem.
14Daħlu fid-dinja bil-frugħa tal-bniedem;
għalhekk tmiem ħesrem hemm lest għalihom.
15Xi missier, imnikket għall-mewt ħesrem ta’ ibnu,
għamel xbieha tiegħu, li malajr inħataf minnu,
u beda jqim bħal alla dak li kien bniedem mejjet,
u ordna lil ta’ taħtu jqimuh b’ċerimonji u riti.
16Imbagħad maż-żmien din id-drawwa ħażina ssaħħet u saret bħal liġi;
17u b’ordni ta’ slaten bdiet tingħata qima lix-xbihat minquxa.
Il-bnedmin, li ma setgħux iqimu lis-sultan f’wiċċu
għax kien imbiegħed,
ħażżu xbieha tal-wiċċ li ma kinux jaraw,
u għamlu xbieha li tidher ta’ dak li riedu jqimu,
bix-xewqa li jweġġħu s-sultan imbiegħed bħallikieku magħhom.
18U x-xewqa tal-ħaddiem tas-sengħa li jikseb tifħir,
għenet biex xterdet dil-qima fejn ma kinitx magħrufa.
19Għax jista’ jkun li dan biex jogħġob lil sultan,
ħadimha b’sengħa kbira biex jagħmilha xbieha mill-isbaħ.
20U l-poplu, imsaħħar mis-sbuħija tax-xogħol,
beda jqim bħal alla ’l dak li ftit qabel kien imweġġaħ bħala bniedem.
21Dan sewa ta’ xibka għall-ħajja tal-bnedmin,
li, imjassrin mill-hemm u mis-setgħa tal-mexxej,
taw lill-ħaġra u lill-għuda l-isem, li m’għandu jingħata lil ħadd.Il-korruzzjoni tal-idolatrija
22Ma kienx biżżejjed għalihom li ħarġu mit-triq tat-tagħrif ta’ Alla,
iżda, neqsin mill-għerf, bdew jgħixu fi ġlieda kbira ta’ injoranza,
u dan il-ħażen kollu jsejħulu sliem.
23Għalhekk infexxew fil-qtil ta’ wliedhom b’sagrifiċċji,
jew fir-riti tal-misteri fil-moħbi,
jew f’xalar ta’ mġienen waqt riti strambi.
24La ħajjithom u lanqas iż-żwieġ ma ħarsu bis-safa,
wieħed iqarraq bl-ieħor u joqtlu,
jew ikiddu billi jeħodlu ’l martu.
25Taħwid kull fejn tħares: demm u qtil, serq u qerq;
korruzzjoni, tixwix u infedeltà, u ħalf fil-falz,
26taħwid tat-tajbin, nuqqas ta’ gratitudni,
tniġġis tal-erwieħ, żina kontra n-natura,
taħwid fiż-żwieġ, adulterji u faħx.
27Għax il-qima ta’ allat, li mhumiex ta’ min isemmihom,
hi l-bidu, il-kawża u t-tmien ta’ kull ħażen.
28Nies bħal dawn jew jiġġennu fix-xalar jew iħabbru l-gideb,
jew jgħixu ħajja ħażina jew jaħilfu fil-falz bħallikieku xejn.
29U, billi jafdaw f’allat bla ħajja,
jaħilfu ħażin bla biża’ li tiġi fuqhom xi ħsara.
30Iżda għal żewġ raġunijiet isir ħaqq minnhom:
għax huma u jqimu l-allat, fehmuha ħażin fuq Alla,
u għax kasbru t-tjieba u ħalfu fil-falz u l-qerq.
31Mhijiex is-setgħa ta’ dawk li jaħilfu bihom,
iżda hu l-kastig li jistħoqq lill-midinbin;
dan li dejjem jiġi fuq il-ħżiena wara ħtijiethom.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.