ĠENESI 40 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 40Ġużeppi u l-ħolm ta’ sħabu

1U wara dawn il-ġrajja l-kuppier u l-pannettier tas-sultan tal-Eġittu naqsu lil sidhom is-sultan tal-Eġittu.

2U l-Fargħun għadab għaż-żewġ uffiċjali ewnuki tiegħu, għall-kuppier u għall-pannettier.

3U xeħithom l-għassa fid-dar tal-kap tal-koki, fil-ħabs fejn kien magħluq Ġużeppi.

4U l-kap tal-koki qiegħed fuqhom lil Ġużeppi u dan kien idur bihom; u damu żmien il-ħabs.

5Il-kuppier u l-pannettier tas-sultan tal-Eġittu, li kienu magħluqin il-ħabs, ħolmu ħolma huma t-tnejn f’lejl wieħed, kull wieħed il-ħolma tiegħu u kull ħolma bit-tifsira tagħha.

6U xħin Ġużeppi ġie ħdejhom filgħodu rahom li kienu mħassba.

7U staqsa lill-uffiċjali tal-Fargħun li kienu miegħu l-ħabs f’dar sidu u qalilhom: “Għala wiċċkom imqarras illum?”

8U huma weġbuh: “Ħlomna ħolma u ma għandniex min ifissirhielna.” U Ġużeppi qalilhom: “Mhux f’idejn Alla t-tifsir? Għiduhieli.”Il-ħolma tal-kuppier

9U l-kuppier qal il-ħolma tiegħu lil Ġużeppi u qallu: “Fil-ħolma tiegħi rajt dielja quddiemi.

10U d-dielja kellha tliet friegħi, u malli rmiet, ħarġet iż-żahar tagħha u l-għenieqed tagħha saru għeneb.

11U kelli f’idejja l-koppa tal-Fargħun, qbadt l-għeneb, għasartu fil-koppa tal-Fargħun u newwilt il-koppa f’id il-Fargħun.”

12U Ġużeppi qallu: “Din hi t-tifsira: it-tliet friegħi huma tlitt ijiem.

13Tlitt ijiem oħra, il-Fargħun jerfagħlek ġieħek u jreġġgħek lura f’postok, u int tagħti ’l Fargħun il-koppa f’idu skont id-drawwa ta’ qabel, meta kont il-kuppier.

14Imma int ftakar fija meta jkollok ir-risq u jkollok ħniena miegħi, u fakkar lill-Fargħun fija ħa joħroġni minn din id-dar.

15Għax jien kont misruq minn art l-Għebrej, u lanqas hawn ma għamilt xi ħaġa biex xeħtuni f’dan il-ħabs.”

Il-ħolma tal-pannettier

16U l-kap tal-pannettiera ra li t-tifsira kienet tajba u qal lil Ġużeppi: “Jien ukoll kelli ħolma u kelli tlitt iqfief għaġin fuq rasi.

17U fil-qoffa ta’ fuq kien hemm kull xorta ta’ ikel moħmi għall-Fargħun; imma kiluh l-għasafar mill-qoffa li kelli fuq rasi.”

18U Ġużeppi wieġeb u qallu: “Din hi t-tifsira: it-tlitt iqfief huma tlitt ijiem.

19Tlitt ijiem oħra l-Fargħun ineħħilek rasek minn fuqek u jdendlek ma’ siġra u l-għasafar jiklulek laħmek minn fuqek.”

20U ġara li fit-tielet jum, jum twelid il-Fargħun, dan għamel ikla għall-qaddejja kollha tiegħu, u rafa’ ġieħ il-kap tal-kuppieri u ġieħ il-kap tal-pannettiera f’nofs il-qaddejja tiegħu.

21U raġa’ qiegħed il-kap tal-kuppieri f’ras il-kuppieri, biex inewwel il-koppa f’id il-Fargħun.

22Imma l-kap tal-pannettieri għallqu, kif kien fissrilhom Ġużeppi.

23U l-kap tal-kuppieri ma ftakarx f’Ġużeppi, u nsieh.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help