1Ibni, agħti kas għerfi,
agħti widen għal tagħlimi,
2biex tagħraf iżżomm il-qjies,
u kliemek ikun mogħni bl-għerf.
3Xufftejn il-mara żienja għasel iqattru,
u kliemha mieles aktar miż-żejt;
4imma fl-aħħar hi morra daqs l-assenzju,
taqta’ daqs sejf b’żewġt ixfar.
5Lejn il-mewt jinżlu riġlejha,
lejn qiegħ l-art jieħu l-mixi tagħha.
6Ma tagħtix kas triq il-ħajja,
’l hawn u l’hemm timxi, m’għandhiex kwiet.
7Imma, ibni, isma’ lili,
titbigħedx minn kliem fommi.
8Żomm triqtek ’il bogħod minnha,
u tersaqx qrib bieb darha,
9biex ma titlifx ġieħek quddiem ħaddieħor;
u lanqas titlaq sninek lil xi ħadd bla ħniena,
10biex ma jitpaxxewx b’ġidek il-barranin,
u frott xogħlok imur f’dar ħaddieħor.
11U int toqgħod tokrob fl-aħħar ta’ ħajtek,
huma u jintemmu laħmek u ġismek.
12Imbagħad tgħid: “Kemm kont nobogħdu t-tagħlim,
u ma kontx naħmel it-twiddib!
13Ma smajtx kliem min ried jgħallimni,
ma tajtx widen lil min kien iwissini.
14Kont wasalt biex nitlef kollox
quddiem il-laqgħa tal-ġemgħa!”
15Ixrob l-ilma mill-bir tiegħek,
u l-ilma ġieri min-nixxiegħa tiegħek.
16Trid l-ilma tal-għajn tiegħek jixxerred barra,
u n-nixxigħat tal-ilma f’nofs it-triq?
17Żommhom għalik waħdek,
isseħibx lil ħaddieħor miegħek.
18Tkun imbierka l-għajn tiegħek,
mart żgħożitek! Ifraħ biha.
19Hi bħal ċerva għażiża, bħal għażżiela ħelwa.
Jimliek dejjem bl-għaxqa ż-żegħil tagħha,
issaħħrek bla heda mħabbitha.
20Għaliex tiġġennen, ibni, wara mara oħra,
u tħaddan miegħek mara żienja?
21Quddiem il-Mulej l-imġiba tal-bniedem;
il-Mulej jgħasses il-mixi kollu tiegħu.
22Il-ħażin bi ħżunitu jinqabad,
u bil-ħbula ta’ ħtijietu jintrabat;
23jintemm minħabba n-nuqqas ta’ għaqal,
jintilef minħabba l-bluha kbira tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.