ĠEREMIJA 36 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 36Il-Profeta jikteb l-orakli tiegħu

1U ġara li fir-raba’ sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu:

2“Ħu romblu tal-kitba, u ikteb fuqu l-kliem kollu li jien għedtlek dwar Iżrael, u dwar Ġuda, u dwar il-ġnus kollha minn mindu kellimtek fi żmien Ġosija sa dan il-jum.

3Għandu mnejn id-dar ta’ Ġuda, meta jisimgħu bil-ħsara li għandi f’rasi li nagħmlilhom, jerġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u jien naħfrilhom ħżunithom u dnubiethom.”

4U Ġeremija sejjaħ lil Bàruk bin Nerija, u Bàruk beda jikteb minn fomm Ġeremija l-kliem kollu tal-Mulej, li l-Mulej kien qallu, fuq ir-romblu tal-kitba.

Il-qari tal-orakli fit-tempju

5U Ġeremija ordna lil Bàruk u qallu: “Miżmum kif jien, ma nistax immur f’dar il-Mulej.

8U Bàruk bin Nerija għamel kollox skont ma ordnalu Ġeremija, il-profeta, u qara mill-ktieb il-kliem tal-Mulej f’dar il-Mulej.

9Ġara li fil-ħames sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, fid-disa’ xahar, nidew sawma quddiem il-Mulej għan-nies ta’ Ġerusalemm, u għall-poplu kollu tal-ibliet ta’ Ġuda, li kien tela’ Ġerusalemm.

10U Bàruk qara mill-ktieb f’widnejn il-poplu kollu l-kliem ta’ Ġeremija f’dar il-Mulej, fil-kamra ta’ Ġemarija bin Safan, il-kittieb, fil-bitħa ta’ fuq, fid-daħla ta’ Bieb il-Ġdid ta’ dar il-Mulej.Il-qari fil-kamra tal-iskriba

11U sama’ Mikija bin Ġemarija, bin Safan, il-kliem kollu tal-Mulej minn fuq il-ktieb.

12U niżel fil-palazz tas-sultan, fil-kamra tal-kittieb, u kienu hemm il-prinċpijiet kollha: Elisama, il-kittieb, u Delaja bin Samajja, Elnatan bin Għakbor, u Ġemarija bin Safan, u Sedekija bin Ħananija u l-prinċpijiet l-oħra kollha.

13U Mikija għarrafhom bil-kliem kollu li kien sama’ meta Bàruk kien qiegħed jaqra mill-ktieb f’widnejn il-poplu.

14Imbagħad il-ġemgħa tal-prinċpijiet bagħtu lil Ġeħudi bin Netanija, bin Selemija, bin Kusi, għand Bàruk biex jgħidlu: “Aqbad f’idejk il-ktieb li kont taqra minn fuqu f’widnejn il-poplu, u ejja.” U Bàruk bin Nerija qabad il-ktieb f’idejh u mar għandhom.

15U qalulu: “Oqgħod bilqiegħda u aqra minnu li nisimgħuk.” U Bàruk beda jaqra li jisimgħuh.

16U ġara li malli semgħu dan il-kliem kollu beżgħu, u bdew iħarsu lejn xulxin, u jgħidu lil Bàruk: “Ikollna ngħarrfu lis-sultan b’dan kollu.”

17U Bàruk bdew jistħarrġuh u staqsewh: “Għidilna, jekk jogħġbok, kif ktibt dan il-kliem? Minn fommu?”

18U Bàruk weġibhom: “Hu beda jgħidli dan il-kliem b’fommu, u jiena kont nikteb bil-linka fuq dan il-ktieb.”

19U l-prinċpijiet wieġbu lil Bàruk: “Mur u nħeba, int u Ġeremija, u ħadd m’għandu jkun jaf fejn intom.”

Is-sultan jaħraq il-ktieb

20Huma mbagħad marru għand is-sultan, f’daru, fil-kamra tiegħu, wara li ħallew ir-romblu fil-kamra ta’ Elisama l-kittieb, u għarrfu lis-sultan b’kulma kien ġara.

21U s-sultan bagħat lil Ġeħudi jġib il-ktieb, u dan ħadu mill-kamra ta’ Elisama l-kittieb. U Ġeħudi beda jaqrah f’widnejn is-sultan u f’widnejn il-prinċpijiet li kienu ħdejn is-sultan.

22Is-sultan kien qiegħed fil-palazz tax-xitwa; kien id-disa’ xahar, u quddiemu kien hemm kenur imkebbes.

23U ġara li kull meta Ġeħudi kien jaqra tlieta jew erba’ kolonni, is-sultan kien iqattagħhom b’mus tal-iskriba, iwaddabhom fin-nar fil-kenur, sakemm il-ktieb kollu ntemm fin-nar li kien hemm fil-kenur.

24U ma beżgħux, u anqas ċarrtu ħwejjiġhom, la s-sultan u lanqas il-qaddejja tiegħu li kienu semgħu dan il-kliem kollu.

25Għalkemm Elnatan, Delaja, u Ġemarija għafsu fuq is-sultan biex ma jaħraqx il-ktieb, hu ma semax minnhom.

26Anzi s-sultan ordna lil Ġeraħmijel, bin is-sultan, u lil Xeraja bin Għażrijel, u lil Selemija bin Għabdel, li jaqbdu lil Bàruk, il-kittieb, u lil Ġeremija l-profeta; imma l-Mulej kien ħbiehom.

It-tieni edizzjoni tal-ktieb

27U wara li s-sultan kien ħaraq il-ktieb u l-kliem li kien kiteb Bàruk minn fomm Ġeremija, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu:

28“Erġa’ ħu romblu ieħor u ikteb fuqu l-kliem kollu ta’ qabel li kien hemm fil-ktieb ta’ qabel, li ħaraq Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda.

29U lis-sultan Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, tgħidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej: Int ħraqt dan il-ktieb u għedt: Għala ktibt fuqu u għedt: Għad jiġi s-sultan ta’ Babilonja u jħarbat dan il-pajjiż u jeqred minnu bnedmin u bhejjem?

30Għalhekk dan jgħid il-Mulej dwar Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda: ma jkollu ’l ħadd minn nislu li joqgħod fuq it-tron ta’ David, u l-katavru tiegħu jintrema barra għas-sħana binhar u għall-ksieħ billejl.Ġer 22,19.

31Jiena nikkastiga lilu u lil nislu, u l-qaddejja tiegħu għal ħżunithom, u nġib fuqhom u fuq min jgħammar f’Ġerusalemm u fuq in-nies ta’ Ġuda, il-ħsara kollha li heddidthom biha, u ma semgħux.”

32U Ġeremija ħa romblu ieħor u tah lil Bàruk bin Nerija, il-kittieb, u kiteb fuqu minn fomm Ġeremija l-kliem kollu li kien hemm fil-ktieb li kien ħaraq fin-nar Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda; u żied magħhom ħafna kliem ieħor bħal dan.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help