1Għaliex jixxewxu l-ġnus,
u l-popli jreddnu għal xejn?
2Is-slaten tal-art iqumu,
u l-kbarat jiftiehmu bejniethom
kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
3“Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom,
u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom!”
4Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom,
il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.
5Imbagħad ikellimhom bil-herra,
bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
6“Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi,
fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!”
7Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;
hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.
8Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,
u truf l-art bi priża tiegħek.
9B’virga tal-ħadid int tkissirhom,
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.”
10U issa, slaten, ifhmu sewwa;
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
11Aqdu lill-Mulej bil-biża’,
u bir-rogħda riġlejh busu,
12li ma jagħdabx u intom tinqerdu,
għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.
Hienja dawk kollha li jistkennu fih!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.