PROVERBJI 29 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 29

1Min ikun imwiddeb u jibqa’ jwebbes rasu,

malajr jiġġarraf u ma jkollux fejqan.

2Meta s-setgħa tkun f’idejn il-ġusti, jifraħ il-poplu,

imma meta jaħkmu l-ħżiena, il-poplu jitniehed.

3Min iħobb l-għerf iferraħ lil missieru,

min imur man-nisa żienja jberbaq ġidu.

4Is-sultan bil-ġustizzja jżomm l-art sħiħa,

imma jekk jixxaħħam, iġibha fix-xejn.

5Min iżiegħel b’ħabibu,

ikun jifrixlu xibka għal riġlejh.

6Bi ħżunitu l-ħażin jinqabad f’nassa,

imma l-ġust jiġri u jifraħ.

7Il-ġust jagħraf drittijiet il-fqajrin,

imma l-ħażin dan ma jifhmux.

8L-arroganti jkebbsu n-nar fil-belt,

imma l-għorrief iberrdu l-qilla.

9Jekk l-għaref ikollu xi jgħid mal-iblah,

dan erħilu jgħajjat u jidħak bla waqfien.

10Il-qattiela jobogħduh lil min hu bla ħtija,

iżda l-ġusti jħarsulu ħajtu.

11L-iblah jagħdab b’saħħtu kollha,

imma l-għaref irażżan għadbu.

12Jekk mexxej jagħti kas tal-gideb,

il-kbarat tiegħu kollha jkunu ħżiena.

13Il-fqir u min jaħqru f’dan jaqblu:

lilhom it-tnejn il-Mulej jagħtihom id-dawl.

14Jekk sultan jagħmel ħaqq lill-fqajrin bis-sewwa,

it-tron tiegħu jibqa’ għal dejjem.

15Il-bastun u t-twiddib jagħmlu l-għorrief;

imma tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.

16Sakemm jaħkmu l-ħżiena, joktor il-ħażen,

imma l-ġusti jaraw il-waqgħa tagħhom.

17Widdeb lil ibnek, u hu jkun l-hena tiegħek;

ikun l-għaxqa ta’ qalbek.

18Jekk ma jkunx hemm min iwissi,

il-poplu jsir bla rażan;

imbierek hu min iħares il-Liġi!

19Bil-kliem biss ma twiddibx il-qaddej;

għax hu jifhmek, imma ma jobdikx.

20Tara xi wieħed dejjem mgħaġġel biex jitkellem?

Hemm aktar tama għall-iblah milli għalih.

21Min ifissed il-qaddej minn ċkunitu,

fl-aħħar jispiċċa biex jidħol floku.

22Min jagħdab ħafna jqajjem il-ġlied,

u min jisbel jagħmel ħafna żbalji.

23Il-kburija ċċekken il-bniedem,

imma min jiċċekken jikseb il-ġieħ.

24Min jissieħeb mal-ħalliel jobgħod lilu nnifsu;

meta jkun mitlub jaħlef, ma jikxfux.

25Min jibża’ mill-bniedem jaqa’ fi xkiel;

imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.

26Ħafna jfittxu l-favuri ta’ min hu kbir;

imma l-Mulej biss jagħmel ħaqq mal-bniedem.

27Il-ġusti jistmellu ’l min hu ħażin,

u l-ħżiena jistmellu ’l min jimxi sewwa.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help