SALMI 107 - Maltese Bible with DC

Salm 107IL-ĦAMES KTIEBSalmi 107—150Alla jsalvana minn kull periklu

1Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

2Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej,

dawk li hu fdiehom mill-ħakma tal-għadu;

3ġabarhom minn ħafna artijiet,

mil-Lvant u l-Punent, mit-Tramuntana u n-Nofsinhar.

4Kienu jiġġerrew fid-deżert, u jterrqu fix-xagħri;

belt fejn jgħammru ma sabux.

5Bil-għatx u bil-ġuħ,

saħħithom bdiet tħallihom.

6Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

7U qabbadhom it-triq it-tajba,

biex imorru f’belt fejn jgħammru.

8Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

9Għaliex hu jxabba’ lil min hu bil-għatx,

u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ.

10Kienu fid-dlam u f’dell il-mewt,

miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,

11għax ħaduha kontra l-kelma ta’ Alla,

u warrbu l-ħsieb tal-Għoli.

12Għalhekk b’xogħol iebes għakkishom;

waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna.

13Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

14U ħariġhom mid-dlam u minn dell il-mewt,

u kisser il-ktajjen tagħhom.

15Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

16Kisser il-bwieb tal-bronż,

u qaċċat l-istaneg tal-ħadid.

17Infnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom;

sofrew minħabba ħżunithom.

18L-ikel kien jiġihom ħażin;

kienu waslu sa wara bieb il-mewt.

19Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

20Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom,

u ħelishom mit-telfien.

21Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

22U joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,

u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi.

23Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

24raw l-opri tal-Mulej

u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar.

25Hu ordna u qajjem riefnu,

li qanqal imwieġ il-baħar.

26Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar;

qalbhom bdiet tferfer bil-biża’.

27Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

28Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

29U bidel ir-riefnu f’żiffa,

u sikket mewġ il-baħar.

30Huma ferħu għax ibbnazza;

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

31Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

32Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu,

u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.

33Hu jbiddel ix-xmajjar f’deżert,

u n-nixxigħat f’art niexfa.

34Art tajba jibdilha f’art mielħa,

minħabba l-ħażen ta’ dawk li jgħixu fiha.

35Hu jbiddel id-deżert f’għadajjar,

u l-art niexfa f’nixxigħat tal-ilma.

36Hemmhekk lill-imġewħin jagħtihom fejn jgħammru;

u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu.

37Jiżirgħu r-raba’ u jħawlu d-dwieli,

u jiġbru ħafna frott.

38Hu jberikhom u joktru ħafna,

ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom.

39Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu,

magħkusa mill-hemm u mill-għali,

40hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat,

u jitlaqhom jiġġerrew f’deżert bla triqat.

41Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna,

u jkattrilhom bħal merħla ’l nieshom.

42Jaraw dan it-twajbin u jifirħu,

u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom.

43Min hu bil-għaqal iżomm dan f’moħħu,

u jifhem it-tjieba tal-Mulej.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help