BÀRUK 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4

1Hu ktieb il-kmandamenti ta’ Alla,

hu l-Liġi li tibqa’ għal dejjem;

kull min iħarsu jgħix,

dawk li jħalluh imutu.

2Erġa’ lura, Ġakobb, u ilqa’ l-għerf,

imxi lejn id-dija ta’ dawlu;

3titlaqx il-glorja tiegħek lil ħaddieħor,

lanqas ġieħek lil ġens barrani.

4Hienja aħna, Iżrael,

għax dak li jogħġob ’l Alla kien mgħarraf lilna.Agħmel il-qalb, Iżrael

5Agħmel il-qalb, poplu tiegħi,

int, it-tifkira ta’ Iżrael!

6Kontu mibjugħa lill-ġnus,

iżda mhux biex tiġu fix-xejn;

kontu mogħtija f’idejn l-għedewwa,

għax kebbistu l-korla ta’ Alla.

7Xgħeltu l-għadab ta’ min sawwarkom,

għax offrejtu s-sagrifiċċju lill-allat,

u mhux lil Alla.

8Insejtu lil Alla ta’ dejjem,

lil dak li għajjixkom.

Imlejtu bl-imrar lil Ġerusalemm,

lil dik li rabbietkom.

9Għax hi rat il-korla ta’ Alla nieżel fuqkom,

u qalet: “Isimgħu ġirien Sijon:

Alla bagħat niket kbir fuqi,

10għax ġarrabt jasar uliedi, subien u bniet,

il-jasar li fih bagħathom Alla ta’ dejjem.

11Jekk it-trobbija tagħhom ferrħitni,

it-tlugħ tagħhom bikkieni u qasamli qalbi.

12Ħadd m’għadu jifraħ bija,

armla li baqgħet weħidha;

kelli ħafna u telquni,

għax uliedi dinbu,

u daru lura mil-Liġi ta’ Alla.

13Il-kmandamenti tiegħu m’għarfuhomx,

lanqas ma mxew fi triqat il-preċetti ta’ Alla.

Lanqas ħadu l-mogħdijiet ta’ tagħlim il-ġustizzja tiegħu.

14Ħa jiġu ġirien Sijon!

Ftakru fl-eżilju ta’ wliedi,

subien u bniet,

li ġieb fuqhom Alla ta’ dejjem.

15Għax ġie fuqhom ġens mill-bogħod,

ġens kiefer, u b’ilsien barrani,

ġens bla qima għax-xjuħ,

ġens bla ħasra għat-trabi.

16Lill-armla ħadulha l-għeżież tagħha,

ħallewni waħdi, ċaħħduni minn bnieti.

17“Imma jien kif nista’ ngħinkom?

18Dak li ġieb fuqkom dan id-deni,

hu biss jista’ jeħliskom mill-għedewwa.

19Morru, uliedi, morru,

jien nibqa’ hawn mitluqa waħdi.

20Neħħejt minn fuqi lbies is-sliem,

u xeddejt l-ixkora tal-penitenza;

nibqa’ ngħajjat lil Alla ta’ dejjem, għomri kollu.

21Agħmlu l-qalb, uliedi,

sejħu lil Alla,

u hu jeħliskom mit-tirannija,

minn id l-għedewwa tagħkom.

22Jien stennejt is-salvazzjoni tagħkom

mingħand Alla ta’ dejjem,

u ġieni l-ferħ mingħand il-Qaddis.

Minħabba l-ħniena li dalwaqt tilħaqkom

mingħand Alla ta’ dejjem,

is-Salvatur tagħkom.

23Jien bgħattkom, imnikkta u mbikkija,

imma Alla jreġġagħkom għal għandi,

bil-hena u l-ferħ għal dejjem.

24Bħalma issa ġirien Sijon

raw l-eżilju,

hekk għad jaraw dalwaqt

is-salvazzjoni mingħand Alla tagħkom,

li se tiġikom b’sebħ kbir,

u bid-dija ta’ Alla ta’ dejjem.

25Uliedi, stabru bil-korla ta’ Alla,

li laħqitkom.

Ħaqarkom l-għadu,

imma dalwaqt taraw il-qerda tiegħu,

u minn fuq għonqu għad tgħaddi.

26Uliedi mħejma

kellhom jgħaddu minn toroq imħarbta;

ħaduhom bħal merħla maħtufa mill-għadu.

27Agħmlu l-qalb, uliedi, sejħu lil Alla;

dak li ġarrabkom għad jiftakar fikom.

28Bħalma fittixtu titbiegħdu minn Alla

hekk issa duru lejh u fittxuh

b’ħerqa għaxar darbiet aqwa.

29Għax dak li bagħat fuqkom dan l-hemm kollu,

hekk għad isalvakom,

u jimliekom b’ferħ dejjiemi.”

30Agħmel il-qalb Ġerusalemm,

min tak ismek għad ifarrġek.

31Imsejkna dawk li għamlulek id-deni,

u ferħu b’waqegħtek.

32Imsejkna l-ibliet li ijassru lil uliedek;

imsejkna l-belt li ħadet lil uliedek.

33Għax bħalma ferħet b’waqegħtek

u tgħaxxqet bil-qerda tiegħek,

hekk għad titnikket għall-ħerba tagħha.

34Jien inneħħilha l-ferħ tal-kotra tagħha,

u għaxqitha fi swied il-qalb nibdilha.

35Xita ta’ nar għad tinżel fuqha

mingħand Alla ta’ dejjem,

għal ħafna żmien,

u jgħammru fiha l-ispirti ħżiena

għal żmien twil.

36Ħares lejn il-Lvant, Ġerusalemm,

u ara l-ferħ li ġej għalik

mingħand Alla.

37Arahom ġejjin uliedek,

li darba int bgħatt ’il bogħod;

ġejjin flimkien miġbura

mil-Lvant u mill-Punent,

għall-kelma tal-Qaddis,

kollhom ferħana bil-glorja ta’ Alla.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help