ĠEREMIJA 14 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 14In-nixfa

1Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil

Ġeremija minħabba n-nixfa:

2“Ġuda bil-vistu,

u bwiebha bla ħajja.

Niesha lkoll mixħuta fl-art,

u għajta ta’ diqa tielgħa minn Ġerusalemm.

3Il-kbarat bagħtu l-qaddejja għall-ilma,

marru sal-ġwiebi, imma ilma ma sabux.

Jerġgħu lura bil-ġarar battala.

Imtlew bil-mistħija;

infixlu u għattew rashom.

4Ix-xogħol tar-raba’ waqaf,

għax xita ma kienx hemm fil-pajjiż.

Il-bdiewa mtlew bil-mistħija,

regħxu u għattew rashom.

5Għax imqar l-għażżiela wildet fir-raba’,

u telqet il-wild waħdu,

għax ħdura ma kienx hemm.

6Il-ħmir selvaġġi waqfu fuq il-blat,

jilhġu għan-nifs bħax-xakalli,

b’għajnejhom mejta,

għax ma kienx hemm ħaxix.

7Imqar jekk ħtijietna jixhdu kontrina,

Mulej, minħabba ismek qum,

għax ħafna huma ir-ribelljonijiet tagħna,

kontrik aħna dnibna.

8Tama ta’ Iżrael,

Salvatur tiegħu fi żmien il-bżonn!

Għala qisek barrani fl-art,

jew vjaġġatur wieqaf għal-lejl.

9Għala qisek bniedem mibluh,

bħal wieħed qalbieni ma jistax jgħin?

Imma inti f’nofsna Mulej,

u fuqna jissejjaħ ismek.

La titlaqniex!

10Dan jgħid il-Mulej dwar dan il-poplu:

‘Iħobbu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn,

f’riġlejhom ma għandhomx kwiet.

Għalhekk il-Mulej ma għoġbuhx.

Issa jiftakar fi ħżunithom,

u jħallashom ta’ dnubiethom.”

11U l-Mulej qalli: “Titlobx għall-ġid ta’ dan il-poplu.

13U jien għedtlu: “Ah! Sidi l-Mulej, ara l-profeti qegħdin jgħidulhom: ‘Ma tarawx ix-xabla, u ma jkollkomx il-ġuħ, għax sliem sħiħ nagħtikom f’dan il-pajjiż.”

14U l-Mulej qalli: “Il-gideb ħabbru f’ismi l-profeti, ma bgħatthomx, ma kkmandajthomx, ma kellimthomx. Viżjonijiet foloz, sħarijiet u tbatbit, u l-ħolm, ta’ moħħhom, dan ħabbrulkom.”

15Għalhekk dan jgħid il-Mulej: “Il-Profeti li qegħdin iħabbru f’ismi bla ma jien bgħatthom, u qegħdin jgħidu: ‘Xabla u ġuħ ma jkunu qatt f’dan il-pajjiż,’ dawn il-profeti bix-xabla u bil-ġuħ għad jintemmu.

17“U int għidilhom dan il-kliem:

‘Għajnejja jxerrdu d-dmugħ,

lejl u nhar bla heda,

għax ix-xebba, bint il-poplu tiegħi,

ħadet daqqa kbira u tfarrket,

ġerħa bla fejqan ġarrbet.

18Jekk noħroġ fir-raba’,

hemm insib il-mejtin bix-xabla.

Jekk nidħol fil-belt, insib il-mifnija bil-ġuħ,

għax imqar il-profeta u l-qassis

jiġġerrew mitlufin fil-pajjiż.’ ”

19Tlaqt int ’il Ġuda għalkollox?

Stmellejt int ’il Sijon?

Għaliex sawwattna bla ma hemm fejqan għalina?

Stennejna s-sliem u ma għandna ebda riżq;

żmien il-fejqan, u arana mwerwra.

20Aħna nafu, Mulej, bi dnubietna,

bil-ħażen ta’ missirijietna,

għax dnibna kontrik.

21Minħabba f’ismek tiċħadniex,

tkasbarx it-tron tal-glorja tiegħek,

ftakar! Tiksirx il-patt li għamilt magħna.

22Hemm xi ħadd fost l-allat fiergħa tal-ġnus,

li jista’ jibgħat ix-xita?

Jew jistgħu jagħtu weħidhom is-smewwiet

gliegel ta’ ilma?

Mhux inti l-Mulej, Alla tagħna?

Fik it-tama tagħna,

għax int għamilt dan kollu.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help