SALMI 66 - Maltese Bible with DC

Salm 66Ferħ, tifħir u ħajr

1Għall-mexxej tal-kor. Għanja. Salm.

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

2għannu s-sebħ ta’ ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

3Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!

Għall-kobor tal-qawwa tiegħek

jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.

4L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek.”

5Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;

tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin.

6Biddel il-baħar f’art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

7Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem;

b’għajnejh fuq il-ġnus jgħasses;

ma jerfgħux rashom in-nies xewwiexa.

8Bierku, popli, lil Alla tagħna,

semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.

9Hu li jżommna fost il-ħajjin,

u ma jħallix riġlejna jogħtru.

10Għax int, o Alla, ġarrabtna,

għaddejtna mill-prova bħall-fidda.

11Ħallejtna naqgħu fix-xibka,

issikkajtilna bi ħżiem ġenbejna.

12Ħallejt in-nies jirkbu fuq rasna,

għaddejtna min-nar u mill-ilma;

iżda mbagħad ħriġtna fil-wisa’.

13Nidħol f’darek bil-vittmi maħruqa,

intemm il-wegħdiet li għamiltlek;

14il-wegħdiet li tennew xufftejja,

u fommi wiegħed fl-hemm tiegħi.

15Sagrifiċċji ta’ bhejjem imsemmna,

duħħan ifuħ ta’ ħrief maħruqa,

mogħoż u gniedes inħejjilek.

16Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x’għamel miegħi.

17Lilu sejjaħ fommi,

tifħiru kien fuq ilsieni.

18Kieku żammejt il-ħażen f’qalbi,

ma kienx jismagħni Alla Sidi.

19Iżda Alla tassew semagħni,

ta widen għat-talba tiegħi.

20Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help