ĠOB 23 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 23Tweġiba ta’ Ġob

1Ġob wieġeb u qal:

2“Illum ukoll bi rvell se jkun tweġibi,

għax idu tħarrax it-tnehid tiegħi.

3Mhux li kont naf fejn insibu,

jew xi triq nieħu lejn it-tron tiegħu!

4Kont irressaq quddiemu l-kawża tiegħi

b’kotra ta’ raġunijiet lesti fuq fommi,

5u nkun naf xi tweġib għandu għalija,

u nifhem dak li jrid jgħidli.

6Jaqaw b’wiri ta’ saħħa jitlewem miegħi?

Le! Imma aktar naħseb li joqgħod jismagħni.

7Hemm jista’ l-ġust jirraġuna miegħu,

u jien nirbaħ żgur il-kawża tiegħi.

8Jekk immur lejn il-Lvant Hu mhux hemm,

jekk lejn il-Punent anqas ma nilmħu.

9Indur lejn it-Tramuntana u ma nsibux,

nilwi lejn in-Nofsinhar u lanqas ma narah hemm.

10Għax Hu jaf sewwa l-mixi ta’ riġlejja,

jekk jgħarbilni niddi bħad-deheb.

11Riġli żamm sħiħ fuq il-passi tiegħu,

ħarist triqtu u ma ġġennibtx minnha.

12Ma warrabtx il-kmandamenti ta’ xufftejh,

għożżejt f’qalbi d-digrieti ta’ fommu.

13Iżda Hu qatagħha, min se jreġġgħu lura?

Dak li jrid jagħmlu.

14Hu jtemm is-sentenza li qatagħli,

u ħafna oħrajn li għandu f’moħħu.

15Għalhekk nitkexkex quddiemu,

u mqar naħseb biss nibża’ minnu.

16Alla mewwitli qalbi,

Xaddaj werwirni.

17Għax ninsab imxekkel mid-dlam,

u miksi kollni miċ-ċpar.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help