1Dan li wrieni Sidi l-Mulej:
qoffa bil-frott tas-sajf.
2U qalli: “X’inti tara, Għamos?”
U weġibt: “Qoffa bil-frott tas-sajf,”
u l-Mulej qalli:
“Wasal it-tmiem għall-poplu tiegħi Iżrael.
Ma naħfirlux iżjed.
3L-għana fit-tempju dakinhar
jitbiddel fi twerżiq,
oraklu tal-Mulej.
Ħafna jkunu l-katavri
mixħutin ma’ kullimkien.”Ir-regħba għall-flus
4Isimgħu dan,
intom li tikkalpestaw l-imsejken,
intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,
5u tgħidu: “Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,
ħa nbigħu l-qamħ.
Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir?
Inċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,
u nqarrqu b’miżien falz.
6Nixtru bil-flus il-foqra,
u b’żewġt iqrieq l-imsejken,
u nbigħu sal-karfa tal-qamħ.”
7Il-Mulej ħalef bil-foħrija ta’ Ġakobb:
“Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!”
8Ma titregħidx l-art minħabba dan?
U ma jibkix min jgħammar fiha?
Ma jkollhiex titla’ bħan-Nil,
u tinżel bħax-xmara tal-Eġittu?
9Jiġri f’dak il-jum,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej,
li jiena nniżżel ix-xemx f’Nofsinhar,
u ndallam l-art binhar.
10Għad inbiddel il-festi tagħkom f’jiem ta’ vistu,
u l-għana kollu tagħkom fi krib;
illibbes il-ġenbejn bl-ixkejjer,
u nqarweż l-irjus kollha.
Dak il-Jum nagħmlu bħal jum ta’ vistu
għall-iben il-waħdieni,
u jibqa’ sal-aħħar bħal jum ta’ mrar.Il-ġuħ tal-kelma ta’ Alla
11“Ara, għad jiġi żmien,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej,
meta nibgħat il-ġuħ fl-art;
mhux il-ġuħ tal-ħobż,
lanqas l-għatx għall-ilma,
iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.
12Jibdew iduru minn baħar għal ieħor,
u jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant,
ifittxu l-kelma tal-Mulej,
u ma jsibuhiex.
13Dakinhar jinfnew bil-għatx
ix-xebbiet sbieħ u ż-żgħażagħ qalbiena.
14Dawk li jaħilfu bl-Għajb ta’ Samarija,
u jgħidu “Daqs kemm hu ħaj alla tiegħek, Dan’,
u ‘Daqs kemm hu ħaj il-maħbub tiegħek, Birsaba’.
Jaqgħu u qatt iżjed ma jqumu.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.