1Ta’ Salamun.
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
2biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.
3Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu,
tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.
4Hu jħares id-dritt tal-imsejknin tal-poplu,
isalva l-fqajrin u jrażżan ’il min jgħakkishom.
5Ħa jdum kemm iddum ix-xemx;
kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.
6Jinżel bħax-xita fuq ir-raba’ maħsud,
bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.
7Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
8Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-Xmara sa truf l-art.
9Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu;
dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.
10Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Saba u ta’ Seba għotjiet iġibulu.
11Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu.
12Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
13Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva.
14Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija;
demmhom għażiż quddiem għajnejh.
15Ħa jgħix is-sultan għal dejjem,
jingħata lilu deheb ta’ Saba!
Ħa jitolbu għalih dejjem,
u jberkuh il-jum kollu!
16Ikun kotran il-qamħ fuq l-art,
jogħla sal-qċaċet tal-għoljiet.
Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu,
iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba’.
17Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem;
idum ismu sakemm iddum ix-xemx!
Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art;
il-popli kollha jsejħulu hieni.
18Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
li waħdu jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb.
19Imbierek għal dejjem ismu msebbaħ;
timtela l-art kollha b’sebħu!
Ammen! Ammen!
20Tmiem it-talb ta’ David, bin Ġesse.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.