1Mhux lilna, Mulej, mhux lilna,
iżda lil ismek sebbaħ,
għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.
2Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus:
“Fejn hu Alla tagħhom?”
3Fis-smewwiet hu Alla tagħna;
hu jagħmel kulma jogħġbu.
4Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,
xogħol ta’ idejn il-bniedem.
5Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux;
għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
6għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux;
għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;
7għandhom l-idejn, u ma jmissux;
għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux;
ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.
8Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom,
u dawk kollha li jittamaw fihom.
9Iżrael ittama fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
10Dar Aron ittamaw fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
11Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
12Il-Mulej jiftakar fina u jberikna;
ibierek ’il dar Iżrael, ibierek ’il dar Aron.
13Ibierek ’il dawk li jibżgħu mill-Mulej,
kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.
14Ikattarkom ħafna l-Mulej,
lilkom u ’l uliedkom.
15Imberkin intom mill-Mulej,
li għamel is-sema u l-art.
16Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej;
imma l-art hu taha lill-bnedmin.
17Mhumiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej,
anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;
18imma aħna li nbierku l-Mulej,
minn issa u għal dejjem.
Hallelujah!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.