ĠUDITTA 9 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 9It-talba ta’ Ġuditta

1Imbagħad, fl-istess ħin li fih kienu qegħdin joffru l-inċens ta’ filgħaxija fit-tempju ta’ Alla f’Ġerusalemm, Ġuditta nxteħtet wiċċha fl-art, xeħtet l-irmied fuq rasha, kixfet il-libsa tax-xkejjer li kellha fuqha, u għolliet leħinha, u għajtet quddiem il-Mulej u qalet:

2“Mulej Alla ta’ missieri Simgħon, li tajtu xabla f’idu biex jitħallas mill-barranin li ħallew il-ħżiem ta’ xebba biex ikasbruha; kixfulha ġenbejha għaż-żebliħ, u kasbrulha ġufha għall-għajb. Int għedt: ‘Ma jkunx hekk,’ u huma hekk għamlu!

3“Għalhekk int irħejt għall-qatla l-kapijiet tagħhom u l-friex tagħhom, li jaf bil-qerq li ġara, għad-dmija; ilqatt l-ilsiera u s-sidien, u l-ħakkiema fuq it-tron tagħhom;

4irħejt in-nisa tagħhom għall-priża, il-bniet tagħhom għall-jasar, u l-ġid tagħhom għat-tqassim fost l-ulied il-maħbubin tiegħek, għax dawn, kollha ħeġġa għalik, stkerrhu t-tkasbir ta’ demmhom, u sejħu l-għajnuna tiegħek.

“O Alla, Alla tiegħi, isma’ lili, li jien armla!

5Int għamilt dak li sar, dak li sar qablu u dak li sar warajh. Int taf il-ħwejjeġ ta’ issa, u dawk li għad iridu jiġu, u dak li int taħseb iseħħ.

6“Il-ħwejjeġ li int fassalt minn qabel seħħew u qalu: ‘Hawn aħna’, it-toroq tiegħek kollha int tħejji minn qabel, u l-ġudizzju tiegħek ġej mill-għerf minn qabel.

7“Ara issa l-Assiri kotrana fl-eżerċtu tagħhom, imkabbra biż-żwiemel u r-rikkieba, jiftaħru bil-qawwa tal-fanterija, jittamaw fit-tarkiet u l-lanez tagħhom, fil-qaws u l-iżbandoli, ma jagħrfux li int is-Sid, il-qerried tal-gwerer.

8“Is-Sid hu ismek! Farrak il-qawwa tagħhom bis-saħħa tiegħek, xejjen il-qawwa tagħhom bis-saħna tiegħek. Huma jridu jżebilħu t-tempju tiegħek, itebbgħu fejn tgħammar int bl-isem glorjuż tiegħek, ikissru bil-ħadid il-qrun tal-artal tiegħek.

9“Ħares lejn is-suppervja tagħhom, ibgħat il-korla tiegħek fuq rashom, agħti lil din l-id ta’ armla l-forza li tagħmel li għandi f’rasi.

10“Olqot bil-qerq ta’ xufftejja l-ilsir mas-sid, u s-sid mal-qaddej, farrak il-kburija tagħhom bl-id ta’ mara.

11“Il-qawwa tiegħek mhijiex fil-kotra tal-eżerċti, lanqas is-setgħa tiegħek fil-qawwijin. Iżda int Alla tal-imsejknin, l-għajnuna taż-żgħar, ħajt tal-kenn għad-dgħajfin, protettur tal-mitluqin, salvatur tan-nies bla tama.

12“Iva. Iva, Alla ta’ missieri! Alla tal-wirt ta’ Iżrael! Sid is-smewwiet u l-art! Ħallieq tal-ibħra! Sultan tal-ħolqien tiegħek! Isma’ inti t-talba tiegħi.

13“Agħmel li bil-kelma u l-qerq tiegħi nidrobhom u nferihom, lil dawk li jridu jagħmlu l-ħsara lill-patt tiegħek, lit-tempju tiegħek u ’l-quċċata tal-muntanja ta’ Sijon, u d-dar tal-għamara ta’ wliedek.

14“Agħmel li l-poplu tiegħek kollu, u t-tribujiet kollha, jagħrfu u jaraw, li int Alla, Alla fuq kull qawwa u fuq kull setgħa, u ħadd u ħadd ħliefek mhu tarka għall-poplu ta’ Iżrael.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help