BIN SIRAK 39 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 39Il-bniedem tal-iskola

1Mhux hekk min jagħti ruħu

għall-istudju tal-Liġi tal-Għoli.

Hu jitkixxef l-għerf tan-nies ta’ dari,

u jkun medhi bil-profeziji.

2Iħares l-għajdut ta’ nies magħrufa,

u jsir midħla tal-irqaqat tal-parabboli.

3Jitkixxef it-tifsir moħbi tal-proverbji,

u hu midħla wkoll tal-parabboli bil-kliem mistur.

4Ikun jaqdi qalb in-nies kbar,

u jidher quddiem il-mexxejja.

Idur f’artijiet il-ġnus ta’ barra,

iġarrab it-tajjeb u l-ħażin tal-bniedem.

5Ħa jdur lejn il-Mulej li ħalqu,

u jitlob quddiem l-Għoli;

u jiftaħ fommu fit-talb,

u jitlob maħfra ta’ dnubietu.

6Jekk tkun ir-rieda tal-Mulej fil-kobor tiegħu,

jimtela bi spirtu ta’ fehma.

Minnu toħroġ xmara ta’ kliem l-għerf,

u fit-talb irodd ħajr lill-Mulej.

7Iżomm dritt fil-parir tiegħu u t-tagħlim,

u jaħseb fuq il-misteri tal-Mulej.

8Juri t-tagħlim li kien imrobbi fih,

u jiftaħar bil-Liġi tal-patt tal-Mulej.

9Ħafna jfaħħru l-għaqal tiegħu,

u dan qatt ma jintesa.

It-tifkira tiegħu ma titwarrabx,

u ismu jkun imfittex minn nisel għal nisel.

10L-għerf tiegħu ixandruh il-ġnus,

u t-tifħir tiegħu tħabbru l-ġemgħa.

11Sakemm idum ħaj jistmawh aktar minn elf,

u meta jmur jistrieħ ismu jibqa’ għal dejjem.

Stedina għal tifħir lil Alla

12Irrid ngħid iktar fuq dak li qed naħseb,

għax inħossni mimli daqs qamar kwinta.

13Isimgħu minni, ulied il-qaddisin, u tarmu ż-żahar,

bħal ward li jikber qrib nixxiegħa ilma,

14u tarmu riħa tfuħ daqs l-inċens,

u tiftħu n-nwar bħal ġilju.

Xerrdu l-fwieħa u għannu għanja ta’ tifħir,

bierku l-Mulej għall-għemejjel kollha tiegħu.

15Xandru l-kobor ta’ ismu

u stqarru t-tifħir tiegħu,

b’għanjiet bl-arpi u biċ-ċetri,

u fit-tifħir tagħkom għidu hekk:

16“L-għemejjel kollha tal-Mulej, huma tajbin wisq,

u kulma jordna jseħħ f’waqtu.

Ma jkunx hemm min jgħid, ‘Dan x’inhu? U dak għalfejn?’

Kollox jiġi mfittex f’waqtu.

17Għall-kelma tiegħu l-ilma nġama’ gozz,

u għall-kelma ta’ fommu jinfetħu mħażen l-ilmijiet.

18Għall-kmand tiegħu jsir kulma jogħġbu,

u m’hawnx min inaqqas il-fejda ta’ qawwietu.

19Quddiemu huma għemejjel kull bniedem,

u m’hemm xejn moħbi għal għajnejh.

20Jara mill-bidu sa tmiem iż-żmien,

u xejn mhu tal-għaġeb quddiemu.

21Ma jkunx hemm min jgħid, ‘Dan x’inhu? U dak għalfejn?’

Għax kollox hu maħluq skont il-fehma tiegħu.

22Il-barka tiegħu tiksi l-art u tfur bħal xmara,

u bħal għargħar issaqqi l-art niexfa.

23Hekk jirtu l-ġnus il-qilla tiegħu,

bħalma biddel l-art tas-saqwi f’deżert mielaħ.

24Dritti huma triqatu għall-qaddisin

daqs kemm ta’ tfixkil huma għall-ħżiena.

25Ħwejjeġ tajba ġew maħluqa mill-bidu għat-tajbin,

bħalma ħwejjeġ ħżiena kienu sa mill-bidu għall-midinbin.

26Il-ħtiġiet ewlenin għall-ħajja tal-bniedem huma:

ilma u nar, ħadid u melħ,

dqiq tal-qamħ, ħalib u għasel,

meraq l-għenba, żejt u lbies.

27Dawn kollha huma għall-ġid tat-tajbin

u fil-qilla tagħhom isawtu bl-aħrax.

28Hemm irjieħ li ġew maħluqa għall-vendetta,

u fil-qilla tagħhom isawtu bil-frosti tagħhom;

fi żmien it-tmiem iferrgħu l-qawwa tagħhom,

u jtaffu l-għadab ta’ Min għamilhom.

29Nar u silġ, ġuħ u mewt:

dawn kollha nħalqu b’kastig.

30Is-snien tal-bhejjem, skorpjuni u lifgħat,

u s-sejf tal-kastig inħalqu għat-telfien ta’ min ma jibżax minn Alla.

31Għall-kmand tiegħu jaqbżu bil-ferħ,

u dejjem lesti għal li jista’ jinqala’,

u meta jasal waqthom kelmtu ma jiskruhiex.

32Għalhekk, mill-bidu kont sod f’fehemti,

u ħsibt ħafna, u ħallejt bil-miktub:

33“Kollu tajjeb li għamel il-Mulej,

u jagħti f’waqtu kulma jeħtieġ,

34u ħadd m’għandu jgħid: ‘Dan agħar minn dak,”

għax kollox jiġi stmat meta jkun il-waqt.

35Mela issa ħoll ilsienek f’għana

ta’ tifħir b’qalbek kollha,

u bierek isem il-Mulej!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help