BIN SIRAK 11 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 11Tagħmilx ħaqq skont ma tara

1L-għerf tal-umli jgħinu jgħolli rasu,

u jqiegħdu bilqiegħda qalb il-kbarat.

2Tfaħħarx raġel minħabba ġmielu;

u taħmilx bniedem minħabba wiċċu.

3In-naħla hi żgħira fost il-ħlejjaq li jtiru,

imma dak li tagħmel hu l-aqwa fost il-ħlewwa.

4Tiftaħarx għax ilbiesek hu mill-aħjar,

u titkabbarx meta mfaħħar:

għax tal-għaġeb huma għemejjel il-Mulej,

u dak li jagħmel hu mistur għall-bniedem.

5Ħafna slaten sfaw bilqiegħda fl-art,

u dak li ħadd ma basru xedd il-kuruna f’rasu.

6Ħafna slaten sfaw għalkollox bla ġieħ,

u nies ta’ ġieħ ġew mogħtija f’idejn oħrajn.Riflessjoni bil-kalma

7Qabel ma tistħarreġ sewwa, tikkundannax;

l-ewwel aħsibha sewwa, u mbagħad ċanfar.

8Isma’ qabel ma twieġeb,

u twaqqafx diskors f’nofsu.

9Dwar ħaġa li ma tiswiex għalik titlewwimx.

Fil-kawżi tal-midinbin la tindaħalx.

10Ibni, qis li ma titgħabbiex b’ħafna xogħol;

jekk iżżidu ma teħlisx mill-piena,

jekk tiġri warajh ma tilħqux,

u billi taħrab ma teħlisx minnu.

11Hemm min jagħmel xogħol iebes, ibati u jistinka,

imma xorta jibqa’ lura għall-aħħar.Fiduċja f’Alla

12Hemm min hu kajman u jeħtieġ l-għajnuna,

nieqes mill-ħila u mimli bil-faqar;

imma l-Mulej jitfa’ għajnejh fuqu biex jagħmillu l-ġid,

jerfgħu mix-xejn tiegħu,

13u jgħinu jerfa’ ’l fuq rasu,

hekk li ħafna jistagħġbu bih.

14It-tajjeb u l-ħażin, il-ħajja u l-mewt,

il-faqar u l-għana jiġu mill-Mulej.

15Don tal-Mulej li wieħed ikun għaref

u l-Liġi jifhimha, u jagħrafha;

l-imħabba u d-drawwa ta’ għemejjel tajba minnu ġejjin.

16L-iżball u d-dlam ġew maħluqa għall-midinbin,

dawk li jiftaħru bil-ħażen,

il-ħażen jikber magħhom.

17Id-don tal-Mulej jibqa’ ma’ dawk li jqimuh,

u r-rieda tajba tiegħu timliehom bil-ġid għal dejjem.

18Hemm min jistagħna għax għaqli u jfaddal,

u dan ikun sehem xortih;

19meta jgħid: ‘Sibt il-mistrieħ,

issa noqgħod niekol mill-ġid li għandi,’

ma jafx kemm se jgħaddi żmien,

u jħallih warajh lill-oħrajn u jmut.

20Oqgħod għal dak li ntrabatt bih u tħabbeb miegħu,

u idħol fi xjuħitek int u għadek taħdem.

21Tistagħġibx b’dak li jagħmel il-midneb;

ikollok fiduċja fil-Mulej,

u żomm sħiħ fit-taħbit tiegħek,

għax hi ħaġa ħafifa f’għajnejn il-Mulej,

li malajr u f’daqqa waħda jagħni lill-fqir.

22Il-barka tal-Mulej fil-ħlas tat-twajbin,

u ħin bla waqt ikabbar il-barka tiegħu.

23Tgħidx: ‘X’jonqosni, u ’l quddiem x’ġid se jkolli?’

24Tgħidx: ‘Għandi kulma neħtieġ,

u ’l quddiem liema għawġ jista’ jkolli?’

25Fi żmien il-ġid jintesa l-għawġ,

u fi żmien l-għawġ jintesa l-ġid.

26Ħaġa ħafifa għall-Mulej

li meta l-bniedem itemm ħajtu jħallsu skont imġibtu.

27Għawġ ta’ siegħa jnessi l-kumditajiet;

u għemejjel il-bniedem jinkixfulu fi tmiem ħajtu.

28Issejjaħ lil ħadd imbierek qabel ma jmut;

bniedem issir tafu f’uliedu.

Tafdax f’min hu ħażin

29Iddaħħalx f’darek lil kulħadd,

għax ħafna n-nases ta’ min jimxi bil-ħżunija.

30Qalb il-kburi bħal perniċi tal-insib f’gaġġa,

u bħal wieħed jgħasses ħa jarak taqa’;

31għax jonsob biex it-tajjeb idawru f’ħażen,

u jmaqdar dak li ħaqqu tifħir.

32Bi xrara nar tieħu kotra ġamar,

u l-bniedem midneb jgħasses biex ixerred id-demm.

33Għasses għall-ħażin għax ħażin ifassal,

li ma jmurx jitfa’ fuqek għajb li jibqagħlek.

34Ilqa’ barrani għandek, u jħawdek b’ħafna taqlib,

u jagħmlek barrani għal niesek.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help